​Teħodlu t-tablet; binha jifqa’ l-bieb għax irid joħroġ minn Facebook

Maġistrat wissiet lil żagħżugħ ta’ 16-il sena u hedditu bil-ħabs jekk jibqa’ ma jirrijabilitax ruħu mill-użu tad-droga.
Fil-Qorti, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera semgħet kif wara li ommu ħaditlu t-tablet u għalqet il-bieb, iż-żagħżugħ faqa’ l-bieb bir-rabbja għax qal li ried joħroġ mill-account tal-Facebook tiegħu.
Huwa ġie akkużat li wettaq ħsara b’mod volontarju fi propjetà filwaqt li l-Maġistrat użat kliem iebes miegħu. Qaltlu li dan huwa t-tielet episodju li xellef difrejh mal-liġi, u li qed ikun ta’ eżempju ħażin lil ħames ħutu iżgħar minnu.
Semmiet kif tista’ tibgħatu mal-ewwel il-ħabs, iżda qalet li se tagħtih ċans ieħor biex juri li mhux se jibqa’ juża d-droga sintetika u li se jibda jirrispetta lill-ġenituri tiegħu.
Meta ġie mistoqsi kif iħallas għad-droga billi ma jaħdimx, iż-żagħżugħ wieġeb li b’xi mod dejjem “iddobba”. Kien hawnhekk li ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh u ngħata tliet snin ta’ prova li matulhom irid jidher quddiem il-qorti darba kull tliet xhur.