Toħloq pandemonju fil-Qorti wara li gidmet 4 pulizija

Tfajla ta’ 15-il sena ħolqot kaos fl-awla tal-Qorti meta bdiet tgħajjat u ssabbat filwaqt li l-uffiċjali tal-pulizija, is-social worker, l-avukati u ommha ppruvaw jirraġunaw magħha.

Hi tressqet il-Qorti fuq akkużi ta’ reżistenza vjolenti ta’ uffiċjali tal-pulizija, meta allegatament gidmet erbgħa minnhom is-Sibt li għadda.

L-akkużata stqarret mal-Qorti li teħtieġ programm li jgħinha, għax jekk tagħmel il-programm YOURS, xorta tispiċċa taqa’  lura fl-użanzi tagħha ladarba tispiċċah.

Iż-żagħżugħa Bormliża, li xellfet difirha mal-ġustizzja bosta drabi, instabet fi “stat ħażin” mill-pulizija wara li kienet irrappurtata nieqsa għal xi ġranet.

L-akkużata rrifjutat li jkollha avukat mill-għajnuna legali, u insistiet li trid lil Antonio Depasquale jiddefendiha, peress li ġieli kellmitu meta kienet fil-programm YOURS.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Depasquale insista li t-tfajla tixtieq li tagħmel progress, iżda għandha bżonn ħafna għajnuna.

Uffiċjal li segwa liż-żagħżugħa qal li hija żżomm il-korp tagħha meta tkun fil-kustodja tal-Pulizija, iżda tibda taġixxi ħażin meta toħroġ. Is-social worker qablet miegħu.

“Bżajna li se nsibuha mejta xi mkien,” stqarr l-uffiċjal, li żied li ma tantx kien hemm għażliet għar-rijabilitazzjoni taż-żagħżugħa peress li għadha żgħira.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest, wara oġġezzjoni għall-ħelsien taż-żagħżugħa mill-Prosekuzzjoni, fuq il-bażi li t-tfajla mhijiex affidabbli.