Togħla sular bid-daqqa tal-karozza li wasslitha għall-mewt

Fil-Qorti beda jinstema’ l-każ  fil-konfront ta’ raġel mis-Swieqi akkużat li f’Ottubru li għadda fil-Gżira, tajjar mara ta’ 30 sena miż-Żurrieq, bil-konsegwenza li tilfet ħajjitha.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8pm fi Triq ix-Xatt.
Quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, xehed l-Ispettur Jonathan Ramsley, li spjega kif minn filmati tal-kameras tas-sigurtà, il-karozza tal-akkużat għamlet U-turn u saqet b’veloċità lejn Tas-Sliema. Dan wassal biex il-mara għoliet m’għola sular.
L-Ispettur qal ukoll li l-verżjoni li l-akkużat ta lill-Pulizija kienet differenti minn tal-filmat.  Fost l-oħrajn l-akkużat kien qal li ma ndunax li laqat persuna u mhux oġġett.
Il-mara, Stephanie Rapa, li kienet spiżjara u studenta fil-kors tal-mediċina, kienet mietet ftit wara li ddaħħlet l-isptar.