Tobba Taljani jsibu rabta bejn il-Covid-19 u kundizzjoni infjammatorja fit-tfal

Tobba fl-Italja rrappurtaw l-ewwel evidenza ċara ta’ rabta bejn il-Covid-19 u kundizzjoni infjammatorja rara imma serja ħafna li wasslet biex numru ta’ tfal jiġu rikoverati fi swali tal-kura intensiva biex jirċievu trattament kritiku.

Il-kundizzjoni misterjuża feġġet ix-xahar li għadda meta rappreżentanti tal-NHS ħarġu twissija lil tobba wara li numru ta’ tfal iddaħħlu f’diversi sptarijiet isofru minn sintomi ta’ xokk tossiku li jirriżultaw minn kundizzjoni infjammatorja msejjħa l-marda Kawasaki.

Nhar it-Tlieta, tobba fl-isptar tat-tfal Evelina London Children’s Hospital ħabbru l-mewt ta’ tifel ta’ 14-il sena, l-ewwel fatalità kkonfermata minħabba din il-kundizzjoni fir-Renju Unit. Bejn 75 u 100 tifel u tifla issa qed jirċievu trattament għal din il-kundizzjoni madwar il-pajjiż. Sintomi tipiċi jinkludu deni, raxxijiet tal-ġilda, ħmura fl-għajnejn, xofftejn maqsuma u uġigħ fiż-żaqq.

It-tobba ilhom jissuspettaw li l-coronavirus kien marbut ma’ din il-kundizzjoni ġdida billi jikkawża reazzjoni eċċessiva fl-immunità tat-tfal, imma ma kien hemm l-ebda evidenza li dawn kienu relatati.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn