Tobba taċ-ċentri tas-saħħa jistgħu jieqfu jżuru pazjenti d-dar

Fid-dawl tal-għadd ta’ persuni li qed jużaw is-servizzi tat-tobba fiċ-ċentri tas-saħħa, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija qed tikkunsidra li tordna lit-tobba membri tagħha biex ma jżurux pazjenti d-dar.
Il-MAM tinnota li t-tobba fiċ-ċentri tas-saħħa għandhom ħafna xogħol u qed jagħmlu mill-aħjar biex ilaħħqu mad-domanda u jaqdu l-pazjenti.
Fi stqarrija, il-MAM qalet li kif jiġri kull sena, il-visti tat-tobba fid-djar jiġu approvati skont l-urġenza u l-każ. Tittieħed ukoll kunsiderazzjoni li ċ-ċentru tas-saħħa jkun jista’ jibqa’ joffri l-aqwa servizz lill-pazjent b’mod effiċjenti.
Sostniet li tinsab iddiżappuntata b’rapporti fejn it-tabib qed jintalab imur id-dar tal-pazjent  għal raġunijiet ta’ konvenjenza biss. Qalet li t-tobba qed jispiċċaw vittmi ta’ kliem abbużiv.
Il-MAM tgħid li mhux aċċettabbli li l-maniġment taċ-ċentru tas-saħħa titlob lit-tobba jagħtu prijorità lill-pazjenti fid-djar, imbagħad ma tiddefendihomx pubblikament.
Titlob lill-Ministeru tas-Saħħa biex jikkundanna l-abbuż verbali fil-konfront tal-uffiċjali pubbliċi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
L-Assoċjazzjoni tisħaq li l-Ministeru għandu jinforma lill-pubbliku biex jinqatgħu l-aspettattivi bla ebda raġuni.
Spjegat li jekk mhux se tittieħed azzjoni, il-MAM se toħroġ direttiva lit-tobba tagħha biex ma jżurux pazjenti d-dar min-nhar it-Tnejn li ġej.
Nhar it-Tnejn li għadda, Newsbook.com.mt irrapporta li tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid allegatament irrifjuta li jeżamina pazjent anzjan meta mar iżuru d-dar.