Tobba Olandiżi qatlu mara ta’ 29 sena li kellha dipressjoni

Tobba fl-Olanda wettqu ewtanażja fuq Aurelia Brouwers, mara żagħżugħa ta’ 29 sena li kienet qed tbati minn depressjoni. Din il-mara, li kienet fiżikament b’saħħitha, ingħatat injezzjoni letali anqas minn xahar wara li rebħet battalja legali biex ittemm ħajjitha.
Fil-Qorti kienet argumentat li meta tkun depressa, ħajjitha ssir intollerabbli u dan l-istat wassalha biex tipprova tagħmel suwiċidju, tweġġa' lilha nnifisha u saħansitra anke ppruvat taħraq id-dar b’kollox. 
Hi kienet issofri wkoll minn ftit diżordni fil-personalità tagħha u qalet li kultant kienet anke tisma’ xi ilħna.
Brouwers għamlet kważi tliet snin f’istituzzjoni għal pazjenti b’mard mentali u sentejn u nofs il-ħabs.
Meta nqatlet kienet fil-kumpanija ta’ familjari u ta’ xi ħbieb tagħha u sagħtejn qabel ħabbret fuq Facebook “Fl-aħħar se mmut”.
F’dawn l-aħħar snin il-mara kienet qed tmexxi kampanja favur l-ewtanażja għal dawk iż-żgħażagħ b’mard mentali fl-Olanda.
Il-mara qalet li kulħadd għandu jingħata ċ-ċans li kellha hi li titlob li tmut. 
Id-deċiżjoni tal-Qorti li laqgħet it-talba tagħha għall-ewtanażja ngħata fl-aħħar tas-sena li għaddiet u hi bdiet tipprepara biex tmut fis-26 ta’ Jannar u qalet li ma kellha ebda dubju dwar id-deċiżjoni li tneħħi ħajjitha.
Madankollu, il-mewt tagħha sempliċement għal raġunijiet ta’ depressjoni ħasdet lil ħafna, fosthom membri parlamentari fl-Ingilterra.
Lord Carlile, ċermen ta’ grupp parlamentari Ingliz li jopponi l-ewtanażja, qal li kien imwerwer b’dan il-każ, “Dan hu każ li juri l-periklu kbir tal-ewtanażja u l-mewt assistita. It-tobba m'għandhomx ikunu implikati f’dawn l-affarijiet u nkun ferm sorpriż jekk it-tobba Ingliżi jqisu li dan hu etikament aċċettabbli”.
Wieħed minn kull erba’ persuni jbati minn xi forma ta’ kundizzjoni mentali tul ħajtu. Għalhekk hemm il-kura u mhux li nitterminaw il-ħajja ta’ dawn in-nies.
Fiona Bruce, Konservattiva Ingliża li tmexxi grupp parlamentari favur il-ħajja, b’rappreżentanti mill-partiti politiċi kollha, qalet li l-każ ta’ Brouwers hu tal-mistħija fuq livell politiku waqt li fuq livell personali hu traġedja.
Sentejn ilu, l-Parlament Ingliż kien ivvota bis-saħħa kontra l-legalizzazzjoni tal-ewtanażja.