Tobba jużaw mediċini skaduti wara numru ta’ attakki fis-Sirja

It-tobba fis-Syria qed ikollhom jużaw mediċini skaduti hekk kif mietu madwar 300 persuna u korrew aktar minn 500 oħra, wara bosta attakki li seħħew mir-reġim Sirjan fuq Lvant ta’ Ghouta fl-aħħar jiem.
Tabib li qed jaħdem fis-Sirja saħaq li s-sitwazzjoni hija waħda katastrofika u nsista li l-komunità internazzjonali abbandunat lin-nies li qed jgħixu f’din iż-żona.
Huwa kompla jgħid kif in-nies m’għandhomx ikel, mediċini u lanqas xelters fejn jistkennu waqt l-attakki.
Filwaqt li l-attakki li bdew il-Ħadd li għadda, ħasdu l-ħajja ta’ 260 persuna, attakk ieħor li seħħ illum qatel 45 persuna oħra.
Il-militari Sirjana qalet li qed taħdem sabiex tillibera iż-żona mit-terroristi li ħakmuha, madanakollu qed tiġi akkużata li qed tattakka ċ-ċivili hi stess.
Bħalissa, f’din iż-żona hemm jgħixu madwar 400,000 persuna.
Il-Lvant ta’ Ghouta huwa ddominat mill-fazzjoni Islamista Jaysh al-Isam, kif ukoll hemm il-preżenza tal-alleanza ġiħadista, Hayat Tahrir al-Sham.