Tobba jfaħħru lill-Gvern għall-inizjattiva umana biex jgħin nisa fit-tqala

Read in English.

Grupp ta’ tobba Maltin faħħru lill-Gvern għall-fondi li ta lill-Fondazzjoni Life Network għall-ħidma li tagħmel fost in-nisa fit-tqala. Huma stqarrew li din l-iskema hija “inizjattiva umana”.

Doctors for Life li huwa grupp ta’ tobba favur il-ħajja qalu fi stqarrija li din l-inizjattiva turi li l-Gvern qed jgħin fil-prattika lin-nisa fil-bżonn. Jgħidu li skema bħal din tagħti spinta lill-kultura ta’ inklużjoni u kultura ta’ kompassjoni għall-persuni fil-bżonn kif ukoll tħeġġeġ biex aktar persuni japprezzaw il-ħajja.

L-għaqda favur il-ħajja ħarġet din l-istqarrija wara li fl-aħħar jiem grupp ieħor ta’ tobba li ffurmaw għaqda favur l-abort ikkundanna lill-Gvern għall-għotja ta’ flus lil Life Network fejn qalu li l-Gvern qed jgħin għaqda b’aġenda kontra d-drittijiet umani.

Il-Fondazzjoni Life Network li tmexxi d-Dar Tgħanniqa ta’ Omm ngħatat €130,000 fuq tliet snin mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.

It-tobba favur il-ħajja jispjegaw li t-tqala ġġib sfidi għall-ommijiet kollha speċjalment jekk din ma tkunx ippjanata. Qalu li din is-sitwazzjoni tista’ wkoll tikkumplika ruħha jekk issir fi sfond ta’ diffikultajiet ekonomiċi u soċjali b’uħud minnhom anki jispiċċaw abbandunati mill-partners tagħhom. L-għaqda qalet li t-testimonjanza tal-ommijiet li għamlu użu mix-shelter tal-Fondazzjoni Life Network hija xhieda tax-xogħol tajjeb li jsir.

Fi stqarrija huma reġgħu saħqu li l-ħajja ffurmata sa mill-fertilizzazzjoni jistħoqqilha d-dinjità, l-kura u d-dritt li tgħix.