Tobba jappellaw biex ma jkunux imġiegħla jipprattikaw kontra l-kuxjenza

Ritratt: Unsplash

Erbatax-il għaqda medika tennew li t-tobba m’għandhomx jitpoġġew f’sitwazzjoni fejn fil-prattika medika jkollhom imorru kontra l-kuxjenza tagħhom, jew li jekk jeżerċitaw dan id-dritt tagħhom jafu jinstabu ħatja ta’ xi danni quddiem il-Qorti.

Dan wara proposta tal-Kunsill Mediku sabiex l-oġġezzjoni tal-kuxjenza tissemma’ fil-liġi dwar l-ugwaljanza.

Fi stqarrija, l-għaqdiet qalu li l-prattika medika tirrikjedi għarfien ħolistiku tax-xjenzi mediċi, iżda wkoll tal-applikazzjoni tagħhom fid-dinja tal-lum. Huma stqarrew li l-għarfien mediku jġib miegħu wkoll kunsiderazzjonijiet etiċi, fosthom meta t-tobba jintalbu jagħmlu deċiżjonijiet dwar ħajja jew mewt, f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza meta trid tingħata l-kura f’waqtha, jew f’sitwazzjonijiet meta r-riżorsi jkunu jridu jitqassmu skont il-ħtieġa ta’ numru ta’ pazjenti.

Huwa għalhekk li firxa wiesgħa ta’ għaqdiet mediċi qed jappoġġjaw l-inklużjoni ta’ klawsola dwar l-oġġezzjoni tal-kuxjenza. Din il-klawżola ssejjaħ biex f’ċirkostanzi sensittivi ta’ natura etika, it-tobba jitħallew jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrifjutaw li joffru trattamenti jew li jwettqu interventi li jmorru kontra l-kuxjenza personali tagħhom, anke jekk dawn ikunu ġew legalizzati.

Huma nnutaw ukoll li fl-istess waqt, bl-għan li dan id-dritt jintuża b’għaqal u b’ġudizzju f’ċirkostanzi adegwati, se jkunu qed jiġu ippubblikati numru ta’ linji gwida li jiggwidaw lit-tobba fil-prattika ta’ dan id-dritt tagħhom. Filfatt, l-oġġezzjoni tal-kuxjenza m’għandha qatt tintuża biex it-tabib jaġixxi b’mod li jmur kontra l-aqwa prattika medika mitluba minnu.

L-għaqdiet huma:

  • L-Assoċjazzjoni tal-Anestesjoloġisti ta’ Malta
  • L-Assoċjazzjoni ta’ Tobba ta’ Emerġenza ta’ Malta
  • L-Assoċjazzjoni ta’ Kirurgi Ortopediċi u Trawmatiċi ta’ Malta
  • L-Assoċjazzjoni tat-Tobba ta’ Malta
  • L-Assoċjazzjoni ta’ Tobba Privati ​​tal-Familja
  • L-Assoċjazzjoni ta’ Kirurgi ta’ Malta
  • Is-Soċjetà tal-Mediċina Ġerjatrika ta’ Malta
  • L-Assoċjazzjoni ta’ Oftalmologi ta’ Malta
  • L-Assoċjazzjoni ta’ Otorinolaringoloġisti u Kirurgi tal-Għonq u r-Ras ta’ Malta
  • Il-Kulleġġ Malti tal-Ostetriċjani u Ġinekoloġisti
  • Il-Kulleġġ Malti tal-Patoloġisti
  • L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dermatoloġija u l-Venereoloġija
  • L-Assoċjazzjoni Maltija tar-Radjoloġisti u t-Tobba tal-Mediċina Nukleari
  • L-Assoċjazzjoni Pedjatrika Maltija

Taqbel ma’ din il-proposta?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt