Tobba fost 600 persuna arrestati talli kkritikaw lill-Gvern Tork

Kważi 600 persuna ġew arrestati fit-Turkija minħabba l-kummenti tagħhom fuq il-midja soċjali u talli ħarġu jipprotestaw kontra l-Gvern minħabba l-azzjoni militari tat-Turkija fis-Sirja.
Skont il-midja internazzjonali, saru saħansitra arresti ta’ membri tal-assoċjazzjoni medika tat-Turkija. L-organizzazzjoni tat-tobba kienet ħarġet stqarrija biex il-gwerra tintemm ħesrem u biex ikun hemm il-paċi.
Dan l-aġir qed ikompli jqajjem it-tħassib minn dawk li huma kkonċernati dwar il-libertà tal-espressjoni taħt it-tmexxija tal-President Tayyip Erdogan. Huwa ddeskriva lil dawk it-Torok li qed jopponu l-attakki militari bħala “tradituri”.
Ix-xahar li għadda, it-Turkija nediet aktar attakki militari kemm mill-ajru u kif ukoll mill-art kontra militanti Kurdi tal-YPG fil-Majjistral tas-Sirja. L-Awtoritajiet Torok avżaw lill-pubbliku li se jkunu qed jaraw li kull min jopponi jew jikkritika dawn l-attakki jiġi mressaq il-Qorti.
It-Turkija qed tisħaq li dawn il-miżuri huma neċessarji għas-sigurtà tal-pajjiż.