Tobba fl-Ingilterra joperaw tarbija b’difett qabel ma twieldet

Tobba fl-Ingilterra wettqu operazzjoni fuq tarbija mhux mitwielda u reġgżu poġġewha fil-ġuf ta’ ommha, b’suċċess. Meta titwieled f’April it-tarbija se tingħata l-isem ta’ Elouise.

Bethan Simpson, l-omm ta’ 26 sena, fil-vista ta’ rutina meta kellha 20 ġimgħa tqala, saret tafha li t-tarbija li kellha fil-ġuf kellha l-kundizzjoni magħrufa bħala “spina bifida”, kundizzjoni li taffettwa x-xewka tad-dahar u tista’ twassal għal diversi kumplikazzjonijiet fil-ħajja fosthom li l-persuna ma tkunx tista’ timxi.

It-tobba spjegaw lil din il-mara l-għażliet li kellha quddiemha.  Għażla minnhom kienet li tagħmel abort. “Anqas biss ridt naħseb li ntemm  it-tqala”, qalet Bethan Simpson lill-ġurnal Washington Post. “Kuljum kont inħoss lit-tarbija tagħti bis-sieq fil-ġuf. Kollox kien jidher normali”.

Tkompli t-tqala

Finalment l-omm iddeċidiet li riedet tkompli t-tqala u għalhekk aċċettat li ssir operazzjoni fuq it-tarbija mhux mitwielda. L-operazzjoni kienet tikkonsisti filli tobba – f’dan il-każ tobba Ingliżi u Belġjani mill-University College Hospital ta’ Londra kellhom jiftħu l-ġuf tal-omm, isewwu tiċrita li kien hemm fix-xewka tad-dar tat-tarbija u jerggħu jagħlqu l-ġuf.

Meta l-operazzjoni għal spina bifida ssir bit-tarbija fil-ġuf, it-tarbija jkollha ċans aħjar fil-ħajja milli kieku l-operazzjoni ssir wara t-twelid għax tarbija li titwieled b’din il-kundizzjoni spiss ma tkunx kapaċi timxi u tkun tinħtieġ numru ta’ operazzjonijiet biex jitneħħa l-likwidu mill-moħħ aktar tard fil-ħajja.

Din it-tip ta’ operazzjoni fil-ġuf ilha ssir mill-1990, skont rapport tan-New York Times, ikkwotat mill-Catholic Herald. Sptar tat-tfal f’Philadelphia għamel aktar minn 300 operazzjoni ta’ dan it-tip fl-Istati Uniti. Iżda fl-Ingilterra l-operazzjoni għal spina bifida fil-ġuf bdew isiru biss is-sena li għaddiet.  Fil-fatt, Bethan Simpson kienet ir-raba’ mara fl-Ingilterra li saritilha din il-proċedura medika.

Operazzjoni suċċess

Din l-operazzjoni saret meta t-tqala kienet fl-24 ġimgħa tagħha u kienet suċċess.  It-tarbija Elouise mistennija jitwieled f’April.

Is-Sinjura Simpson qalet li “sfortunatament 80% tat-trabi b’din il-kundizzjoni jinqatlu f’abort meta l-ġenituri jsiru jafu li t-tarbija għandha din il-kundizzjoni. Imma fil-verità spina bifida m’hix is-sentenza tal-mewt. It-tarbija bi spina bifida għandha l-istess potenzjal daqs kull wieħed u waħda minna”.

“Veru li hemm  ir-riskju li l-affarijiet ma jmorrux sew, imma wieħed irid jaħsibha sew għax din il-kundizzjoni m’għadhiex dik li kienet. Jien inħoss lit-tarbija tagħti bis-sieq fil-ġuf il-ħin kollu, bil-lejl u bi nhar. Għalija Elouise hi tifla speċjali, hi parti mill-istorja u uriet kemm jixirqilha li tgħix”, qalet l-omm ferħana.