Tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa bla risposta għall-pjan li ppreparaw

Kirkop Health Centre Picture

Read in English.

Tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa tan-Nofsinhar ta’ Malta baqgħu bla risposta għall-pjan li huma għamlu minħabba l-imxija tal-coronavirus. F’email li bagħtu fit-18 ta’ Marzu li għadda huma jinsistu li kellhom jirrikorru għal pjan magħmul minnhom stess.

F’email li ntbagħat lbieraħ lill-Awtoritajiet tas-Saħħa huma jgħidu li r-reazzjoni għat-talbiet tagħhom qed tkun bil-mod wisq fid-dawl li l-imxija tal-coronavirus qed tiżdied ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Jgħidu wkoll li dan l-atteġjament mill-awtoritajiet qed iżid l-anzjetà u l-biża’ fost il-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.

It-tobba miċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, Ħal Kirkop u Bormla qalu li fin-nuqqas ta’ protokoll u pjan addattat jista’ jirriżulta li jkun hemm anqas tobba u infermiera għax huma jkunu diġà esposti għall-virus u jkollhom imorru fi kwarantina. Dwar dan, l-unjin tal-infermiera u l-qwiebel qalet li diġà hemm mal-100 professjonist mill-qasam tas-saħħa li jinsabu fi kwarantina.

Dwar il-pjani tal-Gvern għall-Kura Primarja, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa.

Dan l-email ġie ppubblikat ukoll mill-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li fuq Facebook qal li t-tobba fil-Kura Primarja u l-pazjenti tagħhom jeħtieġ li jkunu protetti, kemm bl-ilbies protettiv u kemm bi protokoll ċar ta’ kif jiġu amministrati l-pazjenti. Filwaqt li qal li ċert li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qed jieħu din il-pandemija bis-serjetà li jistħoqqilha, appellalu biex ma jinsiex is-saħħa ta’ dawn it-tobba u tal-pazjenti tagħhom f’dawn iċ-Ċentri fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, u jara li l-ilbies protettiv jingħatalhom u l-pjan li ħejjew jiddaħħal fis-seħħ illum qabel għada.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn