Tobba diżappuntati li l-Gvern qed ipoġġi l-ekonomija qabel is-saħħa

Miguela Xuereb

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) li tirrappreżenta t-tobba li jaħdmu fil-pajjiż, esprimiet id-diżappunt tagħha wara d-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ. L-assoċjazzjoni sostniet li l-Gvern qed ipoġġi l-ekonomija qabel is-saħħa taċ-ċittadini tiegħu.

Fi stqarrija b’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru, l-assoċjazzjoni qalet li d-deċiżjoni li tħabbret waqt intervista fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Partit Laburista se tkun qed toħloq riskji kbar.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Abela kkritika lil dawk li allega li qed ibeżżgħu bit-tieni mewġa. Abela qal li l-mewġ fil-baħar qiegħed u li l-aħħar ħaġa li jistgħu jagħmlu n-nies hi li jmorru u jgawdu l-baħar. Qal li għandhom iżommu d-distanza minn xulxin. Abela qal ukoll li wieħed m’għandux iżomm lin-nies kastigati d-dar jekk l-evidenza xjentifika tgħid li m’hemmx għalfejn isir hekk.

Il-PM Robert Abela qal li l-Gvern mhux se jkun qed jixtri l-isptar prefabrikat. Qal li dan ġie deċiż fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa. Hu ħabbar ukoll li r-ristoranti u l-hairdressers se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

Il-MAM irrimarkat kif numru kbir ta’ każijiet mifruxa fuq l-aħħar erbat ijiem bdew ħerġin wara li l-ewwel sett ta’ miżuri kienu rilassati mill-Gvern. Qalet li dawn il-miżuri taw l-impressjoni li jekk wieħed jilbes il-maskri jew visors se jkun protett mill-coronavirus. B’riżultat ta’ dan, l-assoċjazzjoni insisitiet li hemm diversi persuni li mhux qed isegwu l-miżuri ta’ distanza soċjali u persuni vulnerabbli, bħall-anzjani reġgħu qed jidhru barra l-ħwienet.

Malta spiċċat fost l-20 nazzjon bl-aktar każi ġodda tal-virus

Minkejja t-tifħir li Malta rċeviet fl-aħħar ġimgħat għall-mod kif kienet qed tiġġieled il-pandemija, il-MAM spejgat li fl-iskala globali li qed iżomm rekord tal-coronavirus fil-pajjiżi madwar id-dinja, Malta mxiet fost l-20 nazzjon li qed ifeġġu każi tal-coronavirus. Il-MAM spjegat li Malta bdiet tara d-doppju tal-każi li kien ikollha qabel. B’hekk, l-assoċjazzjoni rrimarkat li l-pajjiż issa tilef tmien ġimgħat ta’ ħidma għax reġa’ lura għan-numri li kellu xahrejn ilu. Intant s’issa, Malta huwa l-pajjiż bl-inqas rata ta’ mwiet b’rabta mal-coronavirus.

Ħames persuni pożittivi għal kull 1,000 ċittadin

Il-MAM qalet li bħalissa hawn total ta’ ħames persuni li m’għandhomx sintomi għal kull 1,000 persuna fil-pajjiż. Qalet ukoll li ta’ kuljum, mal-100 persuna li t-tobba jirreferu għall-iswabbing, mhux qed imorru jagħmlu t-testijiet. Qalet li dawn qed ipoġġu lill-bqija tas-soċjetà f’riskju. Irrimarkat ukoll kif pazjent wieħed biss f’ward fl-Isptar Mater Dei wassal għal total ta’ 10 każi oħrajn tal-coronavirus fost healthcare workers, li hemm tliet wards li kellhom jagħlqu temporanjament sabiex ikunu diżinfettati u diversi healthcare workers oħrajn tpoġġew fi kwarantina.

Il-MAM insistiet li ż-żieda fin-numri messha qajmet aktar kuxjenza fuq kif il-ftuħ ta’ ristoranti u bars tista’ tkun mossa perikoluża. Spjegat li l-istess mossa ġabet problemi kbar fil-Ġappun, Singapore u l-Korea t’Isfel. Irrimarkat li filwaqt li wieħed jissimpatizza mal-ħaddiema fl-industriji l-aktar milqutin, bħal dik tat-turiżmu, pass bħal dan jista’ jwassal biex Malta tispiċċa mal-10 pajjiżi l-aktar milquta mill-virus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn