“Tniġġis fil-Bajja ta’ San Ġorġ: Xogħlijiet mill-Grupp db?” – Cassola

L-eks Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola staqsa jekk it-tniġġis fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan hux ġej mix-xogħlijiet li qed isiru mill-Grupp db, fl-eks sit tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi.

Fuq il-mezzi soċjali, Prof. Cassola qal li x-xogħlijiet għaddejjin b’ritmu mgħaġġel. Stqarr li fis-6.30am bdew ix-xogħlijiet u sa erba’ sigħat wara kien hemm diversi trakkijiet bit-terrapien u materjal ieħor.

Staqsa x’ inhuma jagħmlu u għaliex kollox qed isir b’mod mgħaġġel u min tahom il-permess meta jafu li l-proġett qed jiġi kkontestat minħabba diversi irregolaritajiet.

F’messaġġ ieħor Cassola qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ilu mil-bidu jimbotta biex il-Grupp db jieħu l-bini tal-ITS f’idejh. Semma li fi Frar tal-2017, il-Prim Ministru organizza l-għotja tal-bini pubbliku tal-ITS lill-Grupp db, f’Kastilja.  Kompla billi semma li minkejja l-protesti li saru kontra dan il-proġett, f’Mejju ta’ din is-sena l-Prim Ministru enfasizza li dan il-proġett għandu jitkompla.

Cassola qal li l-appell quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar juri biċ-ċar li l-Maltin mhumiex se jibqgħu jaċċettaw li jħallu lill-mexxejja Maltin jgħaddu minn fuqhom bħal fi żmien il-fewdaliżmu.