Tniġġis Balluta: Se tittieħed azzjoni kontra l-iżviluppatur

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mistennija tieħu azzjoni kontra l-iżviluppatur fil-bajja tal-Balluta f’San Ġiljan talli mar kontra l-liġi tal-ambjent.
Fl-aħħar jiem, il-Partit Demokratiku qal li l-bajja ta’ Balluta qed titniġġeż il-baħar.
L-ERA waqqfet żviluppatur viċin il-bajja tal-Balluta li fl-aħħar jiem kien qed iħalli materjal tal-kostruzzjoni jispiċċa fil-baħar u fl-arja mingħajr kontroll.
Fi stqarrija, l-ERA qalet li waqqfet immedjatament l-attività fis-sit partikolari sakemm l-iżviluppatur jimplimenta miżuri preventivi.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-miżuri preventivi bdew jitpoġġew matul il-lejl li għadda taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali tal-ERA. Spjegat ukoll li matul il-jum l-iżviluppatur daħħal fis-seħħ aktar miżuri preventivi.
Ma ġiex spjegat x’kienu dawn il-miżuri preventivi.
L-ERA sħaqet li se tkompli tagħmel monitoraġġ tax-xogħlijiet sakemm taċċerta ruħha li l-miżuri preventivi daħlu kollha fis-seħħ.