Tniedi kanzunetta ġdida f’għeluq it-80 sena tagħha

Il-kantanta Taljana Iva Zanicchi illum qed tiċċelebra għeluq it-80 sena tagħha. Mhux biss hija kantanta iżda wkoll għadha attiva fuq it-televiżjoni u spiss ukoll narawha msitiedna f’diversi programmi fuq it-televiżjoni, speċjalment dawk ta’ Barbara D’Urso.

Biex tiċċelebra għeluq it-80 sena tagħha, Zanicchi proprju llum, eżattament mat-tooki ta’ nofsillejl, nediet kanzunetta ġdida Sangue Nero miktuba minn Cristiano Malgioglio, wkoll wiċċ familjari għal min isegwi l-programmi ta’ Barbara D’Urso.

Zanicchi twieldet fit-18 ta’ Jannar 1940. Iddebuttat b]ala kantanta waqt Campanile di sera mmexxi minn Mike Buongiorno u fl-1963 ħadet sehem fil-festival di Castrocaro bil-kanzunetta 6 Ore fejn klassifikat fit-tielet post.

Minn hawn bdiet tieħu sehem fil-festivals u fl-1967 rebħet Sanremo bil-kanzunetta Non pensare a te. Sentejn wara rebħitu bil-kanzunetta Zingara.

Fl-istess sena rrappreżentat l-Italja fil-Eurovision Song Contest b’Due Grosse Lacrime Bianche fejn klassifikat fit-13-il post.

Fl-2004 Zanicchi ħareġt għall-politika mal-Forza Italia u kienet fost il-kandidati mal-Forza Italia. Kisbet 35,000 vot li ma kienux biżżejjed biex tikseb siġġu u kien fl-2009 li sabet postha fil-Parlament Ewropew.

Baqgħet attiva fil-mużika u tul is-snin ħarġet 35 album u numru kbir ta’ singles. Għamlitha wkoll ta’ attriċi f’żewġ films, kif ukoll fit-tlett sensiliet ta’ Caterina e i Suoi Figli.