Tnieda Premju Anzjan tas-Sena 2013

Waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani fiż-Żurrieq, is-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca nieda l-20 edizzjoni tal-Premju Anzjan tas-Sena. Dan il-premju se jingħata f’serata li se tittella’ f’Ottubru.

Dr Mercieca qal li dan il-Premju jagħti għarfien xieraq lil dik il-persuna anzjana li tkun iddistingwiet lilha nnifisha u qed tkun ta’ eżempju u ispirazzjoni għal anzjani oħrajn biex jibqgħu attivi fis-soċjetà.

Huwa ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex kif ukoll lill-għaqdiet mhux governattivi biex jinnominaw anzjani li sal-aħħar tas-sena jkunu għalqu 65 sena.

Dr Mercieca qal li biex jintgħażel l-anzjan/a tas-sena twaqqaf bord li se jkun qiegħed jevalwa s-sottomissjonijiet u jagħżel lil dik il-persuna anzjana li tkun ħaqqha tingħata dan il-Premju.

Il-formoli tan-nominazzjonijiet jistgħu jibdew jinġabru minn għada mingħand is-Segretarja tal-Bord tal-Għażla, Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva, Palazzo Ferreria, Triq ir-Repubblika, Valletta, mill-Kunsilli Lokali, miċ-Ċentru Servizz Anzjan, Triq Zekka Valletta, mid-Dipartiment tal-Anzjani Pjazza San Franġisk, Għawdex  u minn fuq il-website www.mfss.gov.mt.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi sa nofsinhar tat-Tnejn 23 ta’ Settembru, 2013.

 

Ritratti: DOI – Clifton Fenech