Tnieda l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-adozzjonijiet minn Malta

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, illum nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-adozzjonijiet lokali sabiex issir reviżjoni, diskussjoni u emendi li hemm bżonn sabiex tkun iktar faċilitata l-adozzjoni ta’ tfal li jgħixu Malta stess.

Fi stqarrija l-ministeru spjega li jinsab konxju li ċittadini Maltin għal diversi raġunijiet isibuha iktar adatta li jaddottaw tfal minn pajjiżi oħra madankollu hemm ammont ta’ tfal li jinsabu fis-sistema ta’ kura alternattiva li qegħdin jitilfu l-opportunità li jgħixu f’ambjent ta’ familja.

Il-Ministru għall-Familja, Drttijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali Michael Falzon ippreżenta sett ta’ proposti għal konsultazzjoni pubblika. Huwa fakkar li f’Novembru 2017, il-Gżejjer Maltin daħlet fis-seħħ iċ-Children’s Policy li wasslet għal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal li fiha hemm inkluż rakkomandazzjonijiet mill-Ġnus Magħquda.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-proposti għall-emendi fil-liġi li tirregola l-adozzjoni ­jinkludu l-possibilità li jkun hemm adozzjoni miftuħa u hemm bżonn li l-liġi tirregola dan l-aċċess u tipprovdi salvagwardji għall-każijiet li fihom dan il-kuntatt ma jibqax fl-aħjar interess tal-minuri adottat. Kompla li l-liġi hemm bżonn li tipprovdi mod kif il-persuni kollha involuti jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom.

Il-konsulenta legali Daniela Azzopardi Bonanno qalet li parti importanti minn din il-konsultazzjoni se ssir mat-tfal li qegħdin f’kura alternattiva. Żiedet li proposta oħra hija l-kunjom tal-minuri wara li jkun adottat u jkollu dritt għall-identità tiegħu. Spjegat li marbut ma’ dan l-eżerċizzju se jkun hemm studju dwar jekk u kif minuri adottat għandu jiġi provdut b’informazzjoni dwar il-familja naturali qabel mat-tifel jew tifla tagħlaq 18-il sena, kemm-il darba jittieħdu dawk l-prekawzjoniijiet kollha neċessarji sabiex jiġi żgurat li dan ikun skont l-aħjar interess tal-istess minuri.

Il-ministeru ppropona li jkun possibbli għall-minuri adottat li jagħmel talba sabiex ikollu aċċess għal din l-informazzjoni iżda l-istess minuri jrid ikun akkumpanjat minn professjonist li għandu jiżgura li l-minuri huwa fi stat li jista’ jipproċessa din l-informazzjoni b’mod san, partikularment f’każ li din it-talba toħloq ukoll tensjoni mal-ġenituri adottivi.

Waqt din it-tnedija ġie spjegat li l-kompożizzjoni u r-responsabbiltajiet ta’ kull entità prinċipali involuta f’deċiżjonijiet relatati u r-relazzjoni ta’ bejn l-entitajiet iridu jkunu definiti b’mod ċar fil-liġi, inklużi dawk tal-Aġenzija Nazzjonali, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali u l-Bord tal-Adozzjoni.

Diversi servizzi speċjalizzati għandhom ikunu disponibbli sabiex jappoġġaw lill-minuri adottat biex jintegra u jadatta fir-realtà ġdida tiegħu. Qed jiġi proponut ukoll li dawn is-servizzi jkunu jistgħu jappoġġaw lill-minuri sabiex jesplora u jipproċessa kwalunkwe diffikultajiet relatati mal-identità tiegħu li joħorġu żmien wara l-adozzjoni fi stadju ieħor ta’ ħajtu.

Apparti s-servizzi relatati mal-minuri, saru proposti biex il-ġenituri naturali jkollhom disponibbli għalihom servizzi ta’ appoġġ sabiex jifhmu l-implikazzjonijiet tal-adozzjoni u jipproċessaw din ir-realtà. B’dawn is-servizzi l-ġenituri naturali jkunu jistgħu jirreferu għalihom meta jkunu jixtiequ jerġgħu joħolqu kuntatt mal-minuri adottat żmien wara f’ħajjithom u l-istess servizzi jkunu jistgħu jippreparaw lill-istess ġenituri għal dan il-kuntatt mill-ġdid mal-minuri jew sabiex jgħinuhom jaċċettaw id-deċiżjoni li dan il-kuntatt ma jkunx possibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella tkellem dwar l-irwol tal-Awtorità f’dan il-qasam li ħejjiet standards regolatorji, li ħejjiet strateġija nazzjonali, filwaqt li tkellem dwar kif l-użu tal-blockchain se jkun qed jgħin lill-persuni li jkunu adotatti fis-search of origin tal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.   

Min-naħa tiegħu, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi, tkellem dwar riċerka li ħejjiet il-fakultà dwar l-adozzjonijiet lokali, li minnha jirriżulta li hemm sfidi kulturali, istituzzjonali, leġiżlattivi u finanzjarji li jistgħu jkollhom rwol importanti. Din ir-riċerka se tkun punt ta’ referenza għall-ministeru sabiex finalment ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonjiet finali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti tkellem dwar l-importanza li tfal li jinsabu taħt ordni ta’ ħarsien, li jingħaqdu f’familji filwaqt li xorta jibqgħu jirrispettaw lill-familji bijoloġiċi tagħhom. Tkellem dwar l-importanza li stakeholders differenti jkomplu jaħdmu flimkien speċjalment f’dan il-qasam tant sensittiv.

Il-ministeru jilqa’ reazzjonijiet u proposti minn persuni interessati, ġenituri, minuri li huma adottati, professjonisti, akkademiċi u kull min għandu xi kontribut sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2020 fuq l-email localadoptions@gov.mt, Wieħed jista’ jsegwi d-dokument fuq is-sit family.gov.mt.