Aġġornata: Tnejn l-isptar wara li pruvaw isalvaw kelb fl-Imġarr

Żewġ xufiera ttieħdu l-isptar wara inċident fl-Imġarr fejn pruvaw isalvaw kelb.
L-inċident seħħ fi Triq Sir Temi Zammit ftit wara s-7am fejn seħħ impatt bejn karozza misjuqa minn raġel ta’ 30 sena, residenti l-Għarb u vann misjuq minn raġel ta’ 57 sena residenti x-Xewkija.
Il-ħabta seħħet wara li ż-żewġ xufiera pruvaw jevitaw milli jtajjru kelb li qasam f’salt u ħasadhom.
Ġuvni ta’ 25 sena li kien passiġġier fil-vann ma` sofra l-ebda ġrieħi, filwaqt li ż-żewġ xufiera ittieħdu l-Isptar permezz ta’ ambulanza minħabba l-ġrieħi li sofrew.
Aktar tard, ir-raġel ta’ 57 sena ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief, filwaqt li dak ta’ 30 sena sofra ġrieħi gravi. 
Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li fuq il-post issejħet ukoll ambulanza tal-annimali għax il-kelb intlaqat xorta, iżda sfortunatament dan miet fuq il-post.
Ritratt: Arkivji