Aġġornata: Tnejn l-isptar wara li jċedi saqaf f’Tas-Sliema

Raġel ta’ 56 sena minn Birkirkara u Eritrean ta’ 32 sena li huwa residenti l-Imsida ttieħdu l-isptar għall-kura wara li seħħ inċident fi Triq il-Kurunell Savona f’Tas-Sliema.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.45 ta’ wara nofsinhar hekk kif ċeda saqaf ta’ dar li fuqu kienu qed jaħdmu l-ħaddiema.
Hekk kif ċeda s-saqaf uħud mill-ħaddiema spiċċaw mirduma taħtu u kellha tissejjaħ l-għajnuna tal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex inħarrġu minn taħt it-tifrik.
Fuq il-post waslu l-Pulizija kif ukoll tim mediku b’ambulanza li ħadu żewġ persuni l-isptar għall-kura, bil-Karkariż sofra ġrieħi gravi u l-Eritrean ma sofra l-ebda ġrieħi.
Ħaddiem ieħor kellu jingħata l-kura wara li għadda minn xokk kbir.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ritratt: Media Police