Ritratti: Ħamsa jweġġgħu f’ħabta f’Tal-Ibraġ

Ħames żgħażagħ weġġgħu f'inċident tat-traffiku li seħħ dalgħodu f'Tal-Ibraġ.
Kien għall-ħabta tat-8 ta'dalgħodu fi Triq Sant'Andrija, meta seħħet ħabta bejn żewġ karozzi li kienu qed jiġu misjuqa fid-direzzjoni opposta.
Waħda mill-karozzi kienet qed tiġi misjuqa fid-direzzjoni ta' San Pawl il-Baħar minn żagħżugħ ta' 18-il sena mill-Mosta u miegħu kellu żewġ tfajliet, waħda ta' 20 sena minn San Pawl il-Baħar u oħra ta' 17-il sena min-Naxxar.  Kemm is-sewwieq kif ukoll iż-żewġ passiġġiera ġarrbu ġrieħi gravi.
Il-karozza l-oħra kienet qed tinstaq fid-direzzjoni ta' San Ġiljan minn żagħżugħ ta' 20 sena mill-Mosta, li passiġġiera miegħu kellu mara ta' 31 sena mill-Mellieħa.  It-tnejn ġarrbu ġrieħi ħfief.
It-tliet tfajliet u żewġ ġuvintur, ittieħdu l-Isptar Mater Dei b'ambulanza biex jingħataw il-kura meħtieġa.
Fuq il-post marru Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili 

Il-Pulizija mid-Distrett ta' San Ġiljan qed jinvestigaw il-każ, filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f'inkjesta maġisterjali..  
Ritratti: Mario Saliba/MRTU/Ivan Zammit