Tnejn isofru ġrieħi gravi f’inċident bejn tliet vetturi f’tal-Barrani

Żagħżugħ ta’ 26 sena jinsab f’qagħda stabbli għalkemm għal xi ħin kien fil-periklu li jiltlef ħajtu, wara inċident tat-traffiku bejn tlett vetturi fi Triq tal-Barranni f’Ħal Tarxien.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-disgħa tal-bieraħ filgħaxija meta vettura misjuqa minn raġel ta’ 45 sena, residenti San Ġiljan, ħabtet ma’ karozza oħra misjuqa minn żagħżugħ tat-23 sena minn Ħaż-Żabbar. It-tnejn li huma kienu fid-direzzjoni lejn Ħal Tarxien.
Mal-impatt, ix-xufier ta’ 23 sena tilef il-kontroll tal-vettura, qabeż is-central strip, spiċċa fuq in-naħa l-oħra tat-triq u ħabat ma’ vettura oħra misjuqa minn ġuvni ta’ 26 sena mill-Imġarr Malta.
Ix-xufier ta’ 45 sena u l-mara ta’ 28 sena li kellu miegħu ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena sofra ġrieħi ta’ natura gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt, filwaqt li t-tfajla ta’ 21 sena li kellu miegħu sofriet ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Ix-xufier ta’ 26 sena kien għal xi ħin fil-periklu li jitlef ħajtu iżda issa jinsab f’qagħda stabbli.
Fuq il-post issejħu tliet ambulanzi u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu l-persuni mill-vetturi tagħhom.
Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ u nfetħet ukoll inkjesta maġisterjali.