Filmati u Ritratti: Tnejn imutu u 6 f’qagħda kritika wara li double-decker laqat siġra fil-baxx

Żewġ persuni mietu f’inċident b’double-decker iż-Żurrieq.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li seħħ inċident fi Triq Valletta għall-ħabta tal-4.15pm, x'ħin id-double-decker laqat xi fergħat ta’ siġra fil-baxx.
Aktar tard il-Pulizija kkonfermat l-imwiet u qalet li raġel ta' 24 sena kien qed isuq din il-vettura.
Hu mifhum li sa 12-il persuna weġġgħu, sitta minnhom gravi. Involuti f'dan l-inċident kien hemm għadd ta' tfal u minn informazzjoni li ksibna fuq il-post jidher li l-passiġġieri kollha kienu turisti.
Għadd ta’ ambulanzi marru fuq il-post, u r-rapporti fil-midja qed jgħidu li dawk li għandhom ġrieħi ħfief qed jintbagħtu ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid minflok Mater Dei.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili qed jieħdu ħsieb iniżżlu lin-nies li kienu fis-sular ta' fuq bi stretchers.
Għadd ta' passiġġieri oħra ttieħdu b'xarabank tal-linja lejn l-isptar minħabba x-xokk tal-inċident.
Il-Maġistrat tal-Għassa ġiet infurmata bil-każ u ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta.
Hu avżat biex min jista' jevita dawn l-inħawi.
Sadanittant, il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, fi tweet kiteb numru ta' emerġenza għal dan l-inċident: 25454286.
FILMAT: Il-konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Fearne mill-Isptar Mater Dei. 

L-Arċisqof iwiegħed it-talb tiegħu lill-vittmi u qrabathom
L-Arċisqof Charles Scicluna ta r-reazzjoni tiegħu għall-incident fiż-Żurrieq li sar ftit tal-minuti qabel kien mistenni jiġi intervistat LIVE waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM.
Mons. Scicluna wiegħed it-talb tiegħu, kemm għal vittmi li tilfu ħajjithom, dawk li sfaw feruti u l-qraba tagħhom, iżda wiegħed ukoll it-talb tiegħu għall-ħaddiema li qegħdin jagħmlu ħilithom sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna lil vittmi fuq il-post tal-inċident.
Filmati u Ritratti: Ian Noel Pace