Tnejn jinżammu arrestati dwar il-qtil tal-messaġġier f’San Ġwann

14-il sena wara għadu qed jissemma’ l-qtil ta’ Alphonse Ferriggi kien sar fuq it-taraġ tal-Bank of Valletta f’San Ġwann.
Chris Scerri u James Vella llum ittellgħu l-Qorti u wara li nstabet evidenza ġdida, l-Maġistrat Gabriella Vella ddeċidiet li għandhom jibqgħu arrestati. 
Scerri li għandu 35 sena u hu mill-Pietà waqt li Vella hu minn Ħal Qormi u għandu 33 sena ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom. 
L-imputati ġew akkużati li serqu dokumenti tal-bank, żammew lill-vittma kontra r-rieda tiegħu, kellhom arma u użawha f’post pubbliku.
Fit-18 ta’ Settembru tas-sena 2000, Alphonse Ferriggi, ta’ 52 sena li kien jaħdem bħala messaġġier, inqatel kiesaħ u biered barra l-Bank b’tiri ta’ senter. 
Il-qtil seħħ kmien filgħodu meta Ferriggi mar il-bank b’basket f’idejh li kien fih xi ittri.
B’rabta ma’ dan il-każ, Richard Grech minn Ħal Qormi qed jiskonta sentenza ta’ għomru l-ħabs.  Joseph Zammit mill-Furjana weħel 30 sena ħabs.