Tneħħi ħajjitha minħabba Ask.fm fuq Facebook

Tifla ta’ 14-il sena mir-Renju Unit instabet bla ħajja d-dar tagħha, wara li kienet vittma ta’ bullying minn persuni anonimi, għal xhur sħaħ.

Hannah Smith, ta’ 14-il sena ġiet ibbuljata fuq Ask.fm, app li titniżżel b’xejn fuq Facebook u smartphones, fejn wieħed jistaqsi mistoqsijiet u jirċievi tweġibiet minn madwar id-dinja, anke b’mod anonimu.

Hannah ġiet ibbuljata minħabba l-piż tagħha, il-mewt ta’ zijuha u minħabba t-tendenza li tweġġa’ lilha nnifsha.

Il-ħbieb tagħha qalu li tormentaturi anonimi kienu jġiegħlu lit-tifla tixrob il-bleach.

Missier Hannah appella lill-ġenituri biex iwaqqfu lill-uliedhom milli jużaw l-Ask.fm u biex din l-app tiġi pprojbita.

Jappella wkoll biex dawk wara din l-app jiġu mixlija bi qtil involontarju.

Inqas minn ħmistax qabel ma neħħiet ħajjitha b’idejha, it-tifla talbet lil dawn il-persuni anonimu biex iwaqqfu dan l-abbuż.

Hannah Smith hija r-raba’ persuna li neħħiet ħajjitha minħabba Ask.fm.