Tnedija tal-Ktieb ‘Home is…’ mill-YMCA

Il-YMCA nediet ktieb bl-isem ta’ ‘Home is…’ fil-preżenza ta’ residenti minn ‘Dar Niki Cassar’ (residenza tal-YMCA għal nies bla saqaf fuq rashom), il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca,l-antropoloġista Dr Rachael Scicluna, rappreżentanta tal-Ministeru għall-Familja, drittijiet tat-tfal u ħarsien soċjali, kif ukoll id-diretturi tal-board, voluntiera u membri ta’ għaqdiet oħra.

Dan il-proġett kien wieħed ispirat mill-awtur ta’ dan il-ktieb Therese Cini Sarreo li matul il-ħidma tagħha fil-YMCA kienet tmexxi d-djar ta’ nies bla saqaf fuq rashom, inkluż dik ta’ tfal.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca spjegat li l-ktieb “Home is…” jgħaqqad sew fuq it-tifsira ta’ x’inhi dar: “Allura b’hekk inti jkollok is-sens ta’ paċi, sens ta’ rispett u s-sens ta’ dak kollu li jagħmlek tħossok tajjeb. Min-naħa l-oħra, ir-riċerka turina li meta persuna ma’ jkollhiex post li tkun tista’ ssejjaħlu d-dar tiegħu jew tagħha, dan ikollu effett saħansitra fuq is-saħħa fiżika u s-saħħa mentali tal-persuna.  Id-dritt ta’ fejn ngħixu m’huwiex privileġġ, imma joħroġ mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, bħala soċjetà li niprofessaw il-ġustizzja soċjali, irridu nwettqu dan id-dritt ħalli kulħadd ikun jista’ jgawdi d-dar tiegħu.”

Anthony Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-YMCA, spjega kif li tkun bla saqaf fuq rasek mhijiex problema soċjali biss, imma hija ħalliel ta’ l-identità. Hija sitwazzjoni li ma tħallix l-individwu jibni l-affezzjoni ġenwina li twassal għat-tifsira tal-ħajja ta’ l-individwu.  Hu qal li dan il-ktieb jgħaqqad  ix-xewqa vera ta’ nies li huma bla saqaf fuq rashom – ix-xewqa sabiex tinbena affezzjoni li l-qofol tagħha huwa l-ispazju fejn jinbnew memorji sbieħ, ħbiberiji, familji u spazju fejn tinbena l-identita’tal-persuna, fejn wieħed jista’ jkun hu, bil-personalita’ tiegħu u l-karattru tiegħu.

Dr Scicluna għarrfet l-udjenza bl-importanza li l-familja hija l-bażi ta’ soċjeta’ b’saħħitha.  Għalhekk, hija saħqet fuq modi differenti ta’ kif l-isttuttura fiżika biss hija waħda mill-elementi u mhux l-uniku wieħed li gġandu jiġi trattat fil-ħidma soċjali.  Hi spjegat kif huwa meħtieġ li nibdew nagħtu aktar importanza lill-diversi modi u mudelli ta’ komunitajiet li jgħixu ma’ xulxin.

Min-naħa tagħha, Gwennaelle Viard, li rrapreżentat lit-tim li ħadem fuq dan il-ktieb, spjegat il-proċess ta’ dan il-proġett, kif ukoll l-element tal-ħin issimbolizzat b’arloġġ fuq id-diversi ritratti li jikkumplimentaw il-messaġġ ta’ dan il-ktieb.

Il-pubbliku jista jixtri dan il-ktieb mill-Uffiċċju Ġenerali tal-YMCA ġewwa l- Belt Valletta jew mis-sit www.ymcaspreadthelove.com.