Tnedija tal-APS Summer Festival

Ritratt: DOI / Omar Camilleri

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera attenda għat-tnedija tal-APS Summer Festival li huwa sponsorjat mill-Bank APS u ko-produċut mill-Valletta Cruise Port plc (VCP) u mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO). Il-festival se jittella’ bejn is-26 ta’ Ġunju u t-18 ta’ Lulju 2020 u se jkun qed jospita numru ta’ attivitajiet kulturali u ta’ divertiment fil-Valletta Waterfront, bil-għan li jqarreb ix-xena artistika Maltija lejn il-komunità f’ċelebrazzjoni tas-sajf. Dan il-festival se jkun miżmum fuq barra, fl-isfond tal-fortifikazzjonijiet storiċi u tal-Port il-Kbir, u l-post huwa adattat ukoll għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti pubbliċi wara l-pandemija.

Il-Ministru Herrera qal li, “Dan huwa avveniment interessanti li għandu jattira ħafna nies. Minn dan il-proġett ser igawdu l-artisti li se jkollhom venue fejn jistgħu juru t-talent tagħhom lin-nies, ser noffru divertiment lin-nies u b’hekk nelevaw il-kwalità tal-ħajja, filwaqt li se nixprunaw il-mutur ekonomiku tal-pajjiż.”

Dan il-festival se jkun qed jaderixxi mar-regolamenti attwali tas-saħħa u tas-sigurtà u ser jipprovdi kombinazzjoni artistika u kulturali diversa u jinkludi ġeneri differenti ta’ mużika, minn klassika għal rock sa jazz, kummiedja, żfin, poeżija u arti viżwali. Uħud mill-aqwa artisti bħal Red Electrick, Nadine Axisa, Studio 18 u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jitħalltu mat-talent lokali emerġenti u l-Malta Youth Orchestra, kif ukoll se jkun hemm ċinema fil-beraħ f’xi ljieli.

Sigmund Mifsud, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MPO, qal li l-orkestra, flimkien mal-VCP, ħadet din l-inizjattiva biex torganizza dan il-festival waqt il-pandemija tal-COVID-19. “Ingħatajna r-responsabbiltà li nippromwovu l-mużika klassika u li nipprovdu pjattaforma għall-artisti lokali biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom. L-għan tagħna hu li nimmotivaw l-udjenzi u nispiraw it-tama permezz tas-sbuħija tal-mużika.” Is-Sur Mifsud enfasizza li l-festival jissottolinja aktar l-irwol kruċjali tal-arti għall-benesseri tas-soċjetà tagħna.

Carlo Micallef, id-Deputat Kap Eżekuttiv u Chief Marketing Officer tal-MTA, qal li, “L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu bi pjaċir qed tagħti s-sostenn tagħha sabiex dawn l-avvenimenti jsiru u jkunu ta’ suċċess kif ukoll qed ngħinu sabiex jiġu reklamati kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta għat-turisti li se jżuruna f’Lulju.”

Hervé Delpech, Uffiċjal Kap għall-Istrateġija fl-APS Bank, qal, “Meta l-ewwel bdejna naħdmu fuq dan il-proġett mal-imsieħba VCP u l-MPO, kmieni f’Mejju, ma konniex nafu x’se jkun qed jiġri fis-sajf. Ix-xewqa tagħna kienet dejjem dik li noffru lill-pubbliku l-opportunità li jattendi avvenimenti artistiċi ta’ kwalità bil-mod kif aħna mdorrijin ingawdu l-iljieli tas-sajf tagħna. Aħna kburin li qed nappoġġaw dan il-festival li se jġib arti spettakli u viżwali differenti lill-komunità filwaqt li jippromwovi t-talent lokali.”

Stephen Xuereb, il-Kap Eżekuttiv tal-VCP u COO tal-Global Ports Holding ikkummenta, “Aħna kburin li qed nikkoproduċu u nospitaw dan il-festival li fih numru ta’ avvenimenti fil-beraħ. Bħala firmatarju tal-UNWTO Global Code of Ethics for Tourism, aħna nsegwu sett ta’ prinċipji ddisinjati biex jappoġġaw il-komunitajiet lokali. Huwa f’dan l-ispirtu li appoġġajna din l-inizjattiva. Dawn l-avvenimenti se jkunu opportunità biex in-nies igawdu r-rinnovar li qed isir fil-Valletta Waterfront permezz tal-investiment ta’ aktar minn €2 miljuni għat-tined ġodda li jikkumplimentaw l-ambjent storiku tal-Port il-Kbir”.

L-APS Summer Festival huwa appoġġat ukoll mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Studio Seven, Embassy Cinemas u Island Insurance Brokers. Il-festival jibda fis-26 ta’ Ġunju fid-21:00 bil-biljetti jiswew €10. Għall-iskeda sħiħa ta’ avvenimenti u għal bookings tistgħu żżuru s-sit www.embassycinemas.com/aps-summer-festival/

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.