Tnedija tad-disa’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg

Il-festival popolari immens u rebbieħ ta’ diversi premjijiet jirritorna bi programm imżewwaq ta’ 21 produzzjoni minn 11-il pajjiż differenti.

Eliza Von Brockdorff

Read in English.

Tnediet uffiċjalment id-disa’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg: il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ.

DOI / Jason Borg

Fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li “l-Festival ŻiguŻajg inħoloq biex inissel fit-tfal u ż-żgħażagħ l-imħabba għall-kreattività u l-arti. Illum għadu preċiżament dan; vetrina ta’ produzzjonijiet sbieħ u spettakli stupendi minn Malta u minn madwar id-dinja kollha, li kompla jitjieb u jissaħħaħ maż-żmien.” Il-Ministru Bonnici qal ukoll li dan kollu hu parti mill-istrateġija ta’ dan il-Gvern, li jagħmel l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli għal kulħadd, u rringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu biex jagħmlu dan il-festival is-suċċess li hu.

DOI / Jason Borg

Hu u jitkellem dwar il-programm sħiħ, id-Direttur tal-Festival Daniel Azzopardi qal: “il-programm għall-2019 se jkun fih 21 proġett u disa’ forom differenti ta’ espressjoni kreattiva. Ħames proġetti ġew ikkummissjonati apposta għall-festival, filwaqt li ħamsa oħra huma ko-produzzjonijiet ma’ entitajiet kulturali pubbliċi oħra. Dan ifisser li din l-edizzjoni se jkollha xejn inqas minn 10 premieres u ‘l fuq minn 130 artist kollaboratur.”

“Mhux hekk biss,” żied Azzopardi, “bla dubju l-festival se jżid il-valur tal-inizjattiva ŻiguŻajg Season, b’attivitajiet mifruxa fuq is-sena kollha, li għadna kif introduċejna.”

Ir-relevanza ta’ ŻiguŻajg fis-soċjetà tal-lum qiegħda kulma jmur tikber, u għaldaqstant dan il-festival mill-ġdid qed ikun fuq quddiem biex jittratta kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Din is-sena l-festival se jiffoka fuq temi kurrenti li jinkludu l-ambjent, il-multikulturaliżmu u l-integrazzjoni, il-bullying, l-identità sesswali, u l-irwol taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

Eliza Von Brockdorff

Rupert Cefai, Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività, qal li: “Din is-sena ŻiguŻajg se jiftaħ il-bibien tiegħu għal iktar minn 8,000 tifel u tifla tal-iskola, u se jkompli jifrex il-ħidma tiegħu f’Għawdex, sabiex ikun żgurat li t-tfal tal-iskola wkoll ikollhom l-opportunità li jassistu għall-wirjiet tal-festival.” Dan jorbot mal-programm outreach ta’ ŻiguŻajg li, minbarra attivitajiet fil-Belt Valletta u f’Għawdex, se jieħu ħsieb itella’ spettaklu li jdur fl-iskejjel kif ukoll jalloka biljetti għal gruppi ta’ minoranza.

Barra minn hekk, permezz tal-Programm tad-Delegati, professjonisti minn madwar id-dinja se jżuru Malta biex jesperjenzaw il-Festival u jaqsmu ma’ xulxin l-aħjar prattiki. Dan jikkorrispondi mar-reputazzjoni internazzjonali dejjem tikber ta’ ŻiguŻajg bħala l-festival tal-arti li m’għandux jintilef minn dawk li jikkreaw xogħol għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Dan il-kontenut huwa mwassal minn ŻiguŻajg /DOI