Tnedija ta’ web app ġdida mir-Reġjun tat-Tramuntana

Ritratt: Pierre Sammut / DOI

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo attendew għat-tnedija ta’ website www.regjuntramuntana.eu u mobile app ġdida tar-Reġjun Tramuntana.

Din il-web app ġdida tnediet sabiex tinbena l-identità reġjonali u jingħata servizz aħjar lir-residenti kollha. Ser tkun pjattaforma sabiex it-12 il-kunsill juru x’servizz joffru lil-lokalità u ser tinkludi sistema sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu rapport u jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom. Ser tinkludi wkoll informazzjoni dwar proġetti, spazju għall-karatteristiċi interessanti ta’ kull lokalità, kif ukoll blog dwar il-kultura u wirt storiku.

Il-Ministru José Herrera laqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva meħuda mir-Reġjun Tramuntana li kkrejaw pjattaforma elettronika għar-reġjun. “Din il-pjattaforma ser isservi sabiex tressaq mhux biss iċ-ċittadini imma anki l-komunitajiet u entitajiet kollha tar-reġjun iktar viċin il-kunsilli rispettivi tagħhom,” sostna l-Ministru Herrera. Huwa spjega li preżentament il-Ministeru tiegħu qed jaħdem fuq strateġija nazzjonali għal dak li jikkonċerna t-teknoloġija fil-Kunsilli Lokali li ser titnieda fil-ġimgħat li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal li, bħala persuna li beda l-ħajja pubblika tiegħu fil-Kunsill Lokali, jista’ jifhem u japprezza l-inizjattiva tal-web app li embarka fuqha l-Kunsill tar-Reġjun Tramuntana. Żied jgħid li din l-inizjattiva se tkompli ddakkar il-prinċipju diġitali fost il-komunitajiet lokali tagħna.

“Minn dan kollu pożittiv biss nistgħu nieħdu, għaliex inkunu qed ntejbu l-effiċjenza tagħna fir-relazzjoni li jkollna maċ-ċittadini. Il-gvern huwa impjenat li jagħmel minn pajjiżna ċentru teknoloġiku fuq livell internazzjonali. Biex nagħmlu dan, ħa jkollna bżonn l-isforz ta’ kulħadd, inkluż intom in-nies li taħdmu fil-komunitajiet lokali. Il-mira hija waħda ambizzjuża, imma fiduċjuż li flimkien nistgħu nagħmluha realtà,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.

Ritratt: Pierre Sammut / DOI

Din l-informazzjoni twasslet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.