
Read in English.
Ulied il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia talbu lill-Kumitat ta’ Moniteraġġ fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa sabiex ma jnaqqasx il-pressjoni fuq Malta għax inbidel il-Prim Ministru.
F’ittra miftuħa, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia spjegaw li llum, il-Kumitat se jitlaqa’ f’Pariġi fejn se jara jekk Malta hux qed tonora l-obbligi tagħha lejn il-Kunsill tal-Ewropa. Minn hemm il-Kumitat jiddeċiedi jekk il-Gvern Malti għandux ikun suġġett għal proċeduri ta’ moniteraġġ aktar strett.
L-aħwa qed jgħidu li wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat irreżenja u minfloku laħaq Robert Abela, hemm riskju li dan it-tibdil fit-tmexxija jwassal sabiex tonqos ftit mill-pressjoni fuq il-Gvern sabiex jimplementa t-tibdiliet proposti minn diversi entitajiet. Dawn jinkludu l-Kummissjoni Venezja, GRECO, MoneyVal u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Huma sostnew li huwa ċar li l-assassinju ta’ ommhom li seħħ fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 kien kawża tal-falliment tad-demokrazija u ċ-checks and balances tagħha. Qalu li dan hekk kif il-Prim Ministru tal-pajjiż għandu poteri kbar bħal fosthom fuq il-ħatriet fil-ġudikatura, fit-tmexxija tal-Pulizija u s-Servizzi Sigrieti, il-Kapijiet tad-Dipartimenti tal-Gvern u l-aġenziji, kif ukoll il-jedd li ssir co-option fil-Parlament.
Huma insistew li diversi assessments mill-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea waslu għall-istess konklużjonijiet u offrew rakkomandazzjonijiet sabiex Malta timxi lejn demokrazija aħjar. L-aħwa sostnew li l-ebda minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma ġew implimentati mill-Gvern uxxenti u l-Prim Ministru l-ġdid, Robert Abela, għamel referenzi ħfif għalihom fejn qal li se jkun qed jagħżel liema mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja għandhom jiġu implimentati.
Ulied il-ġurnalista assassinata rrimarkaw li f’pajjiż b’istituzzjonijiet effettivi u separazzjoni tal-poteri, assassinju bħal dak ta’ ommhom ma kellux isir. Insistew li hi kienet l-aktar ġurnalista prominenti u li kienet iżżomm l-uffiċċjali tal-Gvern responsabbli għal għemilhom. Huma sostnew li f’Malta, kellu jkun l-assassinju ta’ ommhom sabiex ċertu persuni jerfgħu r-responsabbiltà parzjali ta’ għemilhom.
“Jekk wieħed jaċċetta sitwazzjoni bħal din u jibqa’ miexi ‘l quddiem ikun qed jikkundanna lil Malta għal futur politiku difettuż li jippremja l-kriminalità li sseħħ permezz tal-politika u li tikkastiga l-kritika b’theddid, ostraċiżmu u karozzi bombi,” sostnew l-aħwa fl-ittra tagħhom.
Huma temmew jgħidu li l-Prim Ministru l-ġdid, li għadu jrid jikkommetti ruħu għar-riforma u jammetti l-kriżi istituzzjonali li ħakmet lill-pajjiż, għandu jintalab jikkommetti għal perjodu ta’ żmien li fih irid jimplementa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa. Qalu li l-perjodu taż-żmien għandu jiġi segwit mill-Kumitat inniffsu. Huma qalu li lesti li jagħtu x-xhieda tagħhom lill-Kumitat jekk jitlobhom jagħmlu dan.
Tista’ taqra l-ittra sħiħa minn hawn.