Tnaqqsux il-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern – For.U.M

servizz.gov

Read in English.

Il-Forum Unjins Maltin (For.U.M) ikkundanna proposta li saret biex tonqos il-paga tal-ħaddiema tal-Gvern li mhux qed jaħdmu minħabba l-coronavirus.

Il-proposta kienet saret mill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA). Madanakollu, l-For.U.M qalet li kull min qed jagħti sehemu fil-ġlieda kontra l-pandemija jixraqlu kull rikonoxximent. Ħabbret li taqbel mal-proposta tal-MEA biex il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa jingħataw bonus.

“Madanakollu, fl-istess ħin, il-For.U.M tikkundanna l-attentat li sar sabiex l-MEA taqsam kategoriji ta’ impjegati fejn ipproponiet tnaqqis ta’ salarju għal ħaddiema tal-Gvern. Dan meta l-ħaddiema tal-Gvern kienu proattivi fil-ħidma tagħhom u bil-għaqal tagħhom għandna istituzzjonijiet li qegħdin jiffunzjonaw u qed jilqgħu għall-ħtiġijiet tal-poplu Malti u Għawdxi,” qalet il-For.U.M.

Il-For.U.M akkużat lill-membri tal-MEA li ma kinux lesti li jergħu l-piżijiet fiċ-ċirkustanzi tal-pandemija. Qalet li kienu l-ħaddiema li kellhom jerfgħu dan il-piż.

“Dan meta huwa fatt magħruf li meta s-sitwazzjoni kienet ferm aħjar, l-istess membri tal-assoċjazzjoni msemmija gawdew l-iżjed. Tajjeb li l-istess assoċjazzjoni tiftakar li kien il-Gvern, u mhux huma, li wara taħdidiet mal-imsieħba inkluż mal-For.U.M., kellu jagħmel tajjeb sabiex isostni l-ħaddiema finanzjarjament,” saħqet il-For.U.M.

Il-forum saħaq li l-MEA tilfet il-kredibilità meta min iħaddem ħareġ lin-nies fuq leave bla ħlas u temmew l-impjiegi.

Fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers qalet li ma taqbilx li b’xi mod isir xi tnaqqis mill-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern.

“Kien ikun punt għaqli mill-MEA li tħeġġeġ lill-membri tagħha li jġorru ġest ta’ corporate social responsibility billi jnaqqsu mill-qligħ li diġà qalgħu tul is-snin u jiggarantixxu l-paga sħiħa tal-ħaddiema tagħhom f’dan iż-żmien diffiċli,” qalet il-UĦM.

Dalgħodu l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) ħarġet stqarrija sabiex tikkjarifika x’qalet hi fil-jiem li għaddew dwar miżuri addizzjonali li temmen li għandhom jittieħdu fil-konfront tal-coronavirus. L-Assoċjazzjoni hi tal-fehma li l-pagi ta’ dawk li bħalissa mhumiex jaħdmu għandhom jitnaqqsu, iżda mhux il-pagi tas-settur pubbliku kollu, kif qalet li ġie rrappurtat.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn