“Tnaqqsu l-ispezzjonijiet u tnaqqset il-burokrazija” – Gvern

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li t-tnaqqis fin-numru ta’ spezzjonijiet li jsiru lin-negozji jfisser tnaqqis fil-burokrazija.
Fi stqarrija, Mario Cutajar irrefera għal-liġi li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu fejn għall-ewwel darba, tnaqqsu l-ispezzjonijiet, u għaldaqstant tnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi fuq perjodu ta’ tliet snin filwaqt li kien hemm tnaqqis ukoll fit-telf tal-produttività tan-negozji.
Saħaq li kien għalhekk li ġie deċiż li jitwaqqaf uffiċċju li jikkoordina l-ispezzjonijiet biex jonqos il-piż fuq entitajiet u individwi filwaqt li jkun żgurat li l-ispezzjonijiet isiru bl-aktar mod trasparenti u effettiv.
Cutajar spjega li qabel kien hemm 23 spettorat differenti li bejniethom kienu jwettqu 70,000 spezzjoni fis-sena. Kompla jgħid li negozju wieħed setgħu jsirulu sa sitt spezzjonijiet fl-istess ġurnata.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott