Tnaqqis tal-liċenzja u l-kaċċaturi jridu jirrappurtaw x’qabdu b’telefonata

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes ħabbar li l-kaċċaturi se jibdew iġeddu l-liċenzja kull ħames snin flok kull sena.
Il-ħlas għal-liċenzja se jkun inqas b’uħud se jħallsu sa’ 50% inqas.
Il-maġġoranza tal-liċenzji se jiswew mal-€50 u l-liċenzja għall-kaċċa tal-fenek se tiġi tiswa mal-€25.
Il-liċenzja se tibda toħroġ f’forma simili għal dik tal-kartà tal-identità fejn se jkun hemm imniżżla d-dettalji tal-kaċċatur.
Tħabbar ukoll li l-carnet de chasse, fejn il-kaċċaturi kienu obbligati li jiktbu dak li qabdu, se jitneħħa u minflok irid iċemplu u jirrappurtaw il-kaċċa f’sistema elettronika u b’hekk titneħħa l-ħidma manwali.
Il-kaċċaturi se jingħataw lista tal-ispeċi tal-għasafar li jistgħu jikkaċċjaw u l-kodiċi għalihom li jridu jgħaddu meta jċemplu.
Il-Wild Birds Regulation Unit se tkun f’pożizzjoni li tippubblika l-informazzjoni dwar l-istaġun tal-kaċċa mat-tmiem tal-istaġun u bl-ammont tal-qbid tal-għasafar aġġornata fis-sistema se jkun magħruf aktar malajr jekk il-kwota tkunx inqabżet.
 
Reazzjoni Birdlife
Fi stqarrija, il-Birdlife qalet li diġà ressqet it-tħassib tagħha lis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes dwar is-sistema l-ġdida tar-reġistrazzjoni tal-kaċċa.
Birdlife qalet li aktar minn qabel l-infurzar li l-kaċċaturi jirrappurtaw x’inhuma jaqbdu se jiddependi mill-Pulizija.
Intqal li bil-carnet de chasse, il-kaċċaturi kienu obbligati li jirreġistraw ukoll ġranet fejn ma jaqbdux għasafar, li skont il-Birdlife hija statistika siewja għall-awtoritajiet biex tirrapporta fuq l-istaġun tal-kaċċa u d-derogi.
L-għaqda ambjentali rrimarkat li d-deċiżjoni li jonqsu t-tariffi tal-liċenzji tal-kaċċa hija deċiżjoni politika.