“Tnaqqis ta’ 99% fl-għadd ta’ pazjenti fil-kurituri tal-Isptar” – Chris Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li, mill-2012 sal-lum, ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 99% fl-għadd ta’ pazjenti li jingħataw kura fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar, il-Ministru qal li, matul l-2012, kien hemm total ta’ 8,118 pazjent li ngħataw kura f’kuritur filwaqt li matul l-aħħar tnax-il xahar, kien hemm biss erba’ ljieli li matulhom inħass il-bżonn li jinfetħu l-kurituri biex jinżammu l-pazjenti.
Kompla jispjega li matul dawn l-erba’ ljieli, kien hemm total ta’ 82 pazjent li ngħataw kura f’kuritur; 15 f’Ottubru u 67 f’Jannar.
Il-Ministru żied jgħid li matul l-aħħar snin infetħu żewġ swali ġodda kif ukoll il-hospitality lounge, sar xogħol estensiv fl-Emerġenza u żdied b’mod sostanzjali l-għadd ta’ tobba u ta’ infermiera f’dan id-dipartiment. 
Ritratt: DOI – Pierre Sammut