Tnaqqis ta’ 81% fil-passiġġieri li għaddew mill-ajruport f’Malta

Customs

F’Lulju l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ra tnaqqis ta’ 80.9% tal-passiġġieri meta kkumparat mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.

Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li normalment Lulju huwa x-xahar li jagħti bidu għall-iktar perjodu impenjattiv tas-sena madankollu dan ix-xahar ġie rreġistrat 152,818-il passiġġier li jsarrfu għal tnaqqis ta’ 80.9% meta kkumparat ma’ Lulju 2019. 

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reġa’ fetaħ fl-1 ta’ Lulju wara l-għeluq tiegħu minħabba l-imxija tal-COVID-19.

It-tnaqqis fin-numru ta’ passiġġieri ġie osservat ukoll it-tnaqqis fil-moviment tal-ajruplani li kien bejn 70.3% u 72.1%. Is-seat load factor (SLF) għax-xahar, li jkejjel il-persentaġġ ta’ postijiet okkupati fuq titjiriet operati minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kien ta’ 59.7%.

Skont l-analiżi tat-traffiku tal-passiġġieri mwettqa minn Airports Council International (ACI), uriet li, fuq medja, l-ajruporti Ewropej irrappurtaw tnaqqis ta’ 78% fin-numru ta’ passiġġieri tagħhom f’Lulju li għadda. Skont l-istess analiżi, l-Italja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u Franza, erba’ pajjiżi li kienu fost l-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, irreġistraw tnaqqis fin-numri tal-passiġġieri tagħhom li varja bejn 74% u 87%.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta appella biex dawk li se jkunu qegħdin isiefru fil-jiem li ġejjin jikkoperaw u josservaw il-linji gwida billi jilbsu l-maskra, iżommu distanzi xierqa u jaħslu idejhom ta’ spiss. Persuni li ser isiefru fil-jiem li ġejjin għandhom jimlew u jissottomettu l-formuli meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jidħol f’pajjiż qabel ma jasal l-ajruport. Għal aktar informazzjoni dwar dan, wieħed jista’ żżur https://www.maltairport.com/covid19/.