Tnaqqis ta’ 8% fl-impjegati b’diżabilità f’għaxar snin

In-numru ta’ persuni b’diżabilità f’impjieg naqas bi 8% fl-aħħar għaxar snin.
Dan joħroġ minn ċifri mogħtija fil-Parlament mill-Ministru għax-Xogħol Evarist Bartolo fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
F’April li għadda, kien hemm 1,326 persuna b’diżabilità f’impjieg, jew 118 persuna inqas mill-għadd irreġistrat f’Diċembru 2005.
L-istatistika turi tnaqqis kostanti sena wara l-oħra fin-numru ta’ impjegati b’diżabilità full time sa Diċembru 2013 bin-numru jiżdied b’25 persuna fl-2014 u 21 persuna fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena meta l-għadd kien ta’ 1060. Dan kien l-ogħla numru fl-aħħar erba’ snin, iżda xorta anqas mill-għadd irreġistrat f’Diċembru 2011.
Għall-kuntrarju, in-numru ta’ ħaddiema b’diżabilità part time żdied sena wara l-oħra sa Diċembru li għadda biex imbagħad kien irreġistrat tnaqqis ta’ għaxar persuni fl-għadd ta’ dawk impjegati f’din il-kategorija sa April 2015.