Tnaqqis ta’ 40% fl-għadd ta’ dawk li qed jistudjaw biex isiru għalliema

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo indika li l-Gvern jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fl-għadd ta’ għalliema f’diversi suġġetti u waqqaf working group biex jindirizza s-sitwazzjoni.
Huwa qal dan fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Etienne Grech.
Bartolo qal li bħalissa hemm 334 student li qed isegwu korst fl-Edukazzjoni fl-Universita. Minn dawn, 286 qed isegwu kors fi stadju ta’ baċellerat u 48 fi stadju ta’ masters.
L-għadd ta’ dawk li jinsabu fit-tieni sena tal-kors ta’ baċellerat huma 79, għadd li jirrapreżenta tnaqqis ta’ madwar 40% meta mqabbel ma’ dawk li jinsabu fir-raba’ sena, indikazzjoni tat-tnaqqis fl-għadd ta’ dawk li qed jagħżlu l-edukazzjoni bħala l-karriera futura tagħhom.
Bartolo qal li x-xejriet f’Malta huma simili għal dawk fl-Ewropa kollha, fejn minbarra t-tnaqqis fl-istudenti li jħejju ruħhom biex isiru għalliema, diġà qed jiġi esperjenzat nuqqas ta’ għalliema f’numru ta’ suġġetti
Huwa qal li l-Ministeru waqqaf grupp ta’ ħidma Evaluation of the Teaching Profession – biex jindirizza din is-sitwazzjoni. Dan il-working group jinkludi rappreżentanti mid-Direttorati tal-Edukazzjoni, mill-Università, mill-MCAST u mill-MUT.