Tnaqqis ta’ 25% fis-serq… imma x’serq ġdid tfaċċa?

Ritratt: CMRU

L-Ispettur Elliot Magro li jmexxi t-taqsima tal-ALE tal-Pulizija stqarr li f’Marzu li għadda ġie rreġistrat tnaqqis fir-rapporti dwar każi ta’ serq.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, l-Ispettur Magro fisser li jekk wieħed iqabbel Marzu ta’ din is-sena ma’ Marzu tal-2019, jirriżulta li kien hemm 25% inqas rapporti ta’ serq. Kompla jispjega li dan minħabba li bħalissa, fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus, qed ikun hemm iktar nies fir-residenzi tagħhom.

Iżda tfaċċa tip ta’ serq ieħor…

Madanakollu rrimarka li ġie nnutat serq f’postijiet oħra, fost l-oħrajn f’siti tal-kostruzzjoni, fi kmamar fl-għelieqi u minn postijiet li bħalissa jinsabu vojta għax jintużaw għall-villaġġjatura. Spikka wkoll serq fuq delivery persons, bis-suspettati kollha ġew arrestati u tressqu l-Qorti.

It-tixrid tal-pesta beda mis-serq

Dwar serq fi żminijiet diffiċli li għaddiet minnhom Malta, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Eddie Attard, espert tal-istorja tal-kriminalità f’Malta. Attard semma fost l-oħrajn kif it-tixrid tal-pesta fl-1813 beda minn reat kriminali.

“Kien hemm ċertu Salvu Borg mill-Belt, li kien xtara xi oġġetti li kienu misruqa minn fuq vapur li kien fil-kwarantina. Dawn l-oġġetti kkawżaw il-mewt tiegħu, ta’ martu li kienet qed tistenna tarbija u ta’ bintu u ta’ waħda mill-ġirien”, fakkar Attard.

L-istoriku semma wkoll kif fi żmien l-Ingliżi, is-serq f’Malta kien kbir u kompla. Irrimarka li fi żmien il-gwerra tfaċċa serq ieħor: serq minn bini li ma jkunx twaqqa’ għal kollox – serq ta’ deheb li kienu jsibu.  

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn