Tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku – Prof. Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna beda d-diskors tiegħu tal-Baġit 2020 b’ħarsa lejn il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż din is-sena u bit-tbassir ekonomiku għas-sena d-dieħla.

Tinfetaħ il-bagalja

Stqarr, li s-sena 2020 se tara l-Prodott Domestiku Gross (GDP) jirdoppja f’termini nominali mill-2013 ‘l hawn, minn €7 biljun għal €14-il biljun f’temp ta’ tmien snin.

Fit-tmien diskors tiegħu tal-Baġit, din is-sena bit-tema Nikbru Flimkien,  il-Ministru semma li għas-sena d-dieħla l-Fond Monetarju Internazzjonali qed jirrevedi ‘l isfel it-tkabbir ekonomiku globali għal 3.5%. Fisser li dan minħabba tkabbir aktar kajman fl-investiment u l-konsum ta’ prodotti durabbli f’pajjiżi avvanzati u emerġenti,  kif ukoll minħabba l-inċertezzi fil-kummerċ internazzjonali minħabba t-tariffi li qed jiġu introdotti, kif ukoll il-Brexit.

Minħabba dawn l-istess raġunijiet, l-ekonomiji tal-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ewro mistennija jikbru b’1.6% u 1.4% rispettivament.

Madanakollu, saħaq Prof. Scicluna, it-tkabbir ekonomiku f’Malta hu previst li jkun b’rata ta’ tkabbir ta’ 4.3% f’termini reali u 6.5% f’termini nominali.

Filmat: “Minn 7% għal bejn 5% u 6% għat-tkabbir ekonomiku; xorta b’saħħtu”

Stqarr li dan it-tkabbir mistenni jkun iġġenerat minn tkabbir fl-investiment ta’ 9.7%. It-tkabbir fil-konsum privat mistenni jkun ta’ 4% filwaqt li t-tkabbir fil-konsum pubbliku mistenni jkun ta’ 4.9%.

L-esportazzjoni mistennija tikber b’1.6%, bis-settur finanzjarju, dak tal-igaming, kif ukoll it-turiżmu, mistennija jkomplu jkunu fost is-setturi ewlenin li jikkontribwixxu għal din iż-żieda.

L-importazzjoni mistennija tikber bi 2% biex tirrifletti ż-żieda sostanzjali fl-investiment li ġġib magħha żieda fl-importazzjoni ta’ apparat u makkinarju.

Il-Ministru għall-Finanzi rrimarka li Malta qed tistenna li jkollha:

·       Żieda ta’ 4.1% fl-impjiegi

·       Il-livell tal-qgħad jibqa’ baxx b’rata ta’ 3.5%

·       L-inflazzjoni mistennija li tkun ta’ 1.6%

Filmat: Baġit li mhux se jonfoq aktar milli għandu – Scicluna

F’dawk li huma finanzi pubbliċi għall-2020, il-Gvern qed ibassar surplus ieħor ta’ 1.4%, kif ukoll il-piż tad-dejn ikompli jinżel għal figura baxxa ta’ 40.4% tal-Prodott Domestiku Gross.

Fil-baġit se nkomplu nagħtu sinjal ta’ fiduċja lill-poplu – Muscat