Tnaqqis fid-dejn; jinżel għal €5.4 biljun

Sal-aħħar ta’ Lulju d-dejn tal-Gvern kien fil-livell ta’ €5.4 biljun (€5,355.5 miljun), li juri tnaqqis ta’ €192.5 miljun fuq is-sena ta’ qabel. Id-defiċit tal-Fond Konsolidat bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena kien fil-livell ta’ €117.2 miljun.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), imqabbel mal-istess seba’ xhur tal-2017, din id-darba id-dħul tal-Gvern żdied bi kważi €97.5 miljun iżda l-ispejjeż żdiedu b’€109.7 miljun. L-ikbar żieda fid-dħul kienet mit-Taxxa tad-Dħul u mill-VAT.

L-ispiża kienet ogħla minħabba l-ispiża rikurrenti, l-iktar minħabba l-kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet tal-Gvern, Programmi u Inizjattivi u l-Pagi li jinkludu spejjeż marbuta mal-benefiċċji soċjali u spejjeż marbuta mal-isptarijiet.

L-ispiża kapitali żdiedet b’22.6 miljun għal total ta’ €187.1 miljuni. Din iż-żieda ġiet reġistrata l-aktar minħabba n-nefqa fil-kostruzzjoni tat-toroq u inċentivi għall-investiment.