Aġġornata: “It-tifel ma ħax il-meninġite mill-iskola”

Il-Kap tal-iskola fejn kien imur it-tifel ta’ erba’ snin li sfortunatament miet bil-menengite qal ma’ Newsbook.com.mt li t-tifel ma ħax il-meninġite mill-iskola.

Il-Kap tal-iskola tkellem magħna wara li xi ġenituri fehmu ħażin it-titlu ta’ artiklu li ppubblikajna bbażat fuq kumment li tatna kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa jiġifieri li fi tmiem il-ġimgħa sar tindif tal-iskola.

Xi qarrejja ma tawx każ dak li qal il-Ministeru tas-Saħħa jiġifieri li dan it-tindif sar biss bħala prekawzjoni. Tant hu hekk li l-kelliema għall-Ministeru spjegat li l-awtoritajiet tas-saħħa marru fl-iskejjel ukoll sabiex jassiguraw lill-ġenituri u anke l-għalliema tal-iskola tal-kinder li l-prekawzjonijiet kollha neċessarji ttieħdu sabiex jiġi assigurat li l-marda ma tinfirixx. Intant sostniet li każijiet sekondarji huma rarissimi u qatt ma ġew irrappurtati.

Il-kelliema spjegat li t-tip ta’ meninġite li sofra minnha t-tifel hija tip rari ħafna u invażiva bl-isem ta’ Bacterial Streptococcus Pneumoniae.

Solidarjetà u sogħba

Ħafna kienu dawk il-qarrejja illi fil-kummenti tagħhom urew is-solidarjetà u s-simpatija tagħhom mal-familja ta’ dan it-tfel ta’ erba snin li miet il-Ħadd li għadda. Qarrejja oħra kellhom kliem ta’ tifħir għall-iskola b’mod partikolari għad-dedikazzjoni tal-għalliema u l-amministrazzjoni tal-iskola.

M’hemmx lok ta’ allarm

Filmat: Tifel Malti jmut bil-meninġite; “tallarmawx ruħkom”

Intant, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Dr Tanya Melillo li tmexxi l-Infectious Diseases Prevention and Control Unit fi ħdan l-Isptar Mater Dei, spjegat li sakemm wieħed ikun f’saħħtu, jiekol ikel sustanzjuż, jagħmel eżerċizzju, jorqod sew u ma jkollux livell ta’ stress għoli, jekk il-batterji jidħlu ġo fih ma jagħmlux ħsara. Spjegat li persuna f’saħħitha jkollha ċ-ċelloli bojod li jattakkaw dawn il-mikrobi. Qalet li dawn il-mokrobi jistgħu jiġu trażmessi jekk wieħed jagħtas jew jitkellem wisq viċin ta’ persuna oħra. Hi insistiet li minkejja kollox il-Maltin u l-Għawdxin m’għandhomx jallarmaw ruħhom.