Tmut wara li kielet kebab minn restorant infestat mill-ġrieden

Tfajla ta’ 15-il sena mietet wara li kellha reazzjoni allerġika severa għal ikel li kielet minn restorant tal-ikel Indjan fir-Renju Unit li wara nstab li kien infestat bil-ġrieden u l-ikel kien fih traċċi tal-karawett minkejja li allerġika għalihom.

Megan Lee intilfet minn sensiha wara li kielet l-ikla mingħand JustEat għax ma setgħetx tieħu nifs. It-tifla li kienet allerġika għall-karawett, ittieħdet l-isptar iżda mietet kawża ta’ attakk tal-ażma jumejn wara fl-1 ta’Jannar tal-2017.

Fil-Qorti nstema’ kif l-ikel li kielet normalment ma jkollux fih karawett, madanakollu jidher li dak kollu li kielet dakinhar kien fih xi traċċa tal-karawett. Instab ukoll li l-kċina fejn kien issajjar l-ikel kienet ġiet  ittimbrata bħala ta’ “periklu għas-saħħa” wara testijiet tal-iġene. Ir-ristorant ingħalaq wara dawn it-testijiet.

Megan kienet ordnat it-takeaway meta kienet qed tistudja għand ħabiba tagħha fit-30 ta’ Diċembru tal-2016. Hi kienet tat id-dettalji tal-allerġiji tagħha lir-restorant onlajn meta għamlet l-ordni tal-ikel. Meta wasal l-ikel u bdiet tieklu, bdiet tintefħilha xoffitha u ħadet doża ta’ mediċina biex tirribatti l-effett. Meta marret ommha għaliha sabitha b’raxx qawwi f’wiċċa u aktar tard bdw il-problemi fin-nifs. Il-ġenituri ċemplu għal ambulanza iżda sakemm ġiet it-tifla laħqet waqfet tieħu nifs. Hi ttieħdet l-isptar fejn ippruvaw islavawlha ħajjitha madanakollu moħħha kien għadda minn ħsarat irriparabbli.

Ir-restorant ġie spezzjonat immedjatament u nstab li mhux talli l-istaff ma kienx kapaċi jmexxi l-kċina iżda kien infestat bil-ġrieden u l-ħmieġ tal-ġrieden.