Tmut waħda mill-ixjeħ xadini fid-dinja

Puan, orangutan mis-Sumatra, mietet ta’ 62 sena lbieraħ it-Tnejn, fiż-zoo ta’ Perth fl-Awstralja.

Imniżżla fil-Guinness Book of Records bħala l-ikbar fost l-ispeċi tagħha, hija kellha 11-il wild u ħalliet 54 dixxendent madwar id-dinja.

Il-ħaddiema taż-zoo qalu li normalment, orangutans mis-Sumatra jgħixu sa 50 sena biss. Hsing Hsing, l-ixjeħ orangutan mis-Sumatra maskili miet fl-2017.

Puan kienet ilha tgħix f’dan iż-zoo fl-Awstralja mindu kellha 12-il sena. Għassiesa taż-zoo, Holly Thompson, qalet li Puan kienet ukoll waħda minn tal-ewwel li pparteċipat fi programm magħruf tat-tnissil.

Puan ġiet ewtanizzata t-Tnejn, għaliex kienet qiegħda ssofri minn kumplikazzjonijiet marbutin mal-età tagħha, li kienu qegħdin jaffettwawha f’ħajjitha.

“Biż-żmien is-suf t’għajnejha sar griż, bdiet tiċċaqlaq iktar bil-mod u moħħha ma baqax f’postu. Imma baqgħet il-matrijarka, il-mara kwieta, dinjituża li dejjem kienet.” Din hi silta mill-obitwarju li kitbet għassiesa oħra taż-zoo, Martina Hart, lil Puan. “Minkejja li kienet f’ambjent ta’ zoo, hija dejjem żammet l-indipendenza tagħha.”