Tmut waħda mill-aktar qtates famużi fuq l-internet

Il-qattusa Lil Bud, famuża ma’ ħames miljun u nofs ruħ

Lil Bub, waħda mill-aktar qtates famużi fuq l-internet, għadha kif mietet fl-età ta’ tmien snin. Mike Bridavsky, is-sid tal-qattusa, ta l-aħbar lil ħames miljun u nofs ta’ fans tagħha fuq il-midja soċjali nhar it-Tnejn.

Lil Bub kienet magħrufa l-aktar għad-dehra mhux tas-soltu li kellha: għajnejha mqabbżin u lsien dejjem barra.  Hija kienet inġabret mit-triq f’Indiana fl-Istati Uniti, meta kienet għadha ferħ tbati mill-kundizzjoni tad-dwarfism, li tibqa’ ċkejkna anki meta tikber fiż-żmien.

Sidha wżaha waqt diversi appelli għall-karità għall-għaqdiet tal-annimali u jingħad li matul ħajjitha ġabret aktar minn $700,000. F’messaġġ li kiteb fuq Instagram ir-raġel qal li Bub għamlet differenza kbira fid-dinja tal-annimali kif ukoll f’ħajjet miljuni ta’ nies madwar id-dinja.

Il-qattusa kisbet fama kbira fuq l-internet minħabba d-dehra unika tagħha u għaliex qatt ma kibret fid-daqs minħabba l-kundizzjoni tagħha. Lil Bub kienet anki unika għax kellha suba’ iżjed fuq kull id, xedaq mhux żviluppat għal kollox u ma kellhiex snien li wassal biex ilsienha kien ikun barra l-ħin kollu.

Mike Bridavsky ma’ Lil Bub

Bridavsky kien adotta lill-qattusa wara li ħabib tiegħu kien sabha qalb oħrajn mormija f’kamra għall-għodda. Meta kien intervistat dwarha r-raġel assigura lil kulħadd li Lil Bud għexet ħajja ferħana u f’saħħitha minkejja kif kienet milquta b’tant diżordnijiet.

(Xellug) Lil Bud fl-2011 u (lemin) f’Diċembru nhar il-Ħadd li għadda

Fl-2011 kien għamilha blog fuq Tumblr u minn hemm kisbet fama tassew kbira li wasslitha biex dehret fuq programmi tat-televiżjoni, kellha show fuq YouTube u sensiela ta’ dokumentarji.

Il-qattusa mietet wara li qabditha infezzjoni f’għadamha.