Tmut tifla meta tipprova taqsam il-fruntiera għall-Istati Uniti; jinvestigaw

Se jiġi investigat il-mewt ta’ tifla ta’ 7 snin mill-Gwatemala li mietet wara li nżammet mill-aġenti Amerikani hi u tipprova taqsam il-fruntiera mill-Messiku għall-Istati Uniti ma’ missierha.

L-amministrazzjoni ta’ Trump qalu li Jakelin Caal, it-tifla, ġiet trattata sew, u li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ problemi mediċi għall-bidu, iżda wara xi sigħat li hi u missierha, ta’ 29 sena, inżammu mill-uffiċjali fis-6 ta’ Diċembru, hija ma bdietx tieħu nifs, ittieħdet fi sptar f’Texas, u eventwalment mietet bi problemi f’qalbha, f’moħħha u anke fil-fwied, avolja għall-bidu ngħad li hija mietet għax kienet nieqsa mill-ilma u għax kienet eżawsta.

Missier it-tifla kien mela formola b’xi mistoqsijiet dwar is-saħħa tagħhom it-tnejn, u kien immarka li bintu ma ssofri mill-ebda marda. Il-formola kienet bl-Ingliż, iżda huma ġew interrogati bl-Ispanjol.

L-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali, li xogħlu hu li jara li impjegati taċ-ċivil ikunu mxew sew f’xogħolhom, se jmexxi l-investigazzjoni, u qal li se jaqsam ir-riżultati tat-tfittxija tiegħu mal-Gvern u mal-pubbliku.

Din l-aħbar żiedet mal-kritika li qed jaqilgħu l-policies tal-President Amerikan Donald Trump dwar l-immigrazzjoni mingħand dawk li jaqbżu għall-immigranti u anke mid-Demokratiċi, fosthom is-Senatur Demokratiku Dick Durbin li reġa’ sejjaħ għar-reżenja ta’ Kirstjen Nielsen minħabba l-każ, li hu s-Segretarju tad-DHS.