​Tmut tifla… it-tabib ma riedx jaraha għax waslet tard

Tabib irrifjuta li jara lil tifla ta’ ħames snin li tbati bl-ażżma għax waslet ħames minuti tard għall-appuntament li sar b’urġenza. Aktar tard hi mietet fl-isptar.
Skont il-BBC, fis-smigħ parti mill-investigazzjoni, intqal kif it-tabib f’Newport fir-Renju Unit ma rax lil Ellie-May Clark, li konsegwentament mietet dak il-lejl stess.
Quddiem l-investigatur mediku, omm Ellie-May irrakkuntat kif f’Jannar tal-2015 kienet talbet li jżurha d-dar it-tabib għax it-tifla kellha t-tħarħir u ma setgħetx timxi.  Spjegat li minflok, ġiet offruta appuntament ta’ urġenza 25 minuta wara. Qalet li avżat lir-receptionist li tista’ tkun tard għax riedet tirranġa maċ-childcare u taqbad tal-linja.
Żiedet tgħid li meta waslet għall-appuntament, kienet ħames minuti tard, imma kellmet lir-receptionist ħames minuti wara.  Madanakollu fi kliem ir-receptionist, it-tabib ġie infurmat 18-il minuta wara l-ħin tal-appuntament.  Hi ġiet infurmata li trid terġa’ tmur l-għada.
Instema’ wkoll kif din kienet l-ewwel darba li din ir-regola ġiet imposta fuq appuntament ta’ emerġenza.
L-omm qalet li kienet irrabjata u meta marru lura d-dar bdiet tiċċekkja lil bintha kull kwarta. Madwar l-10.30pm, it-tifla bdiet tisgħol bla waqfien, waqgħet mis-sodda u bdiet  tibdel lewnha.
Hi ttieħdet fir-Royal Gwent Hospital fi Newport b’ambulanza, iżda mietet iktar tard fl-isptar.
Skont l-inkjesta, il-kawża tal-mewt kienet attakk tal-ażma.
L-investigatur mediku se jikteb rapport lill-klinika u lill-Bord biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ pjan effettiv għall-kura ta’ Ellie-May.