Tmut omm Céline Dion; kellha 92 sena

Celine Dion ma' ommha Thérèse Tanguay Dion

Telfa oħra għall-kantanta Céline Dion. Proprju nhar il-Ħamis li għadda, meta kien jaħbat ir-raba’ anniversarju mill-mewt ta’ ħuha Daniel, il-kantanta tilfet ukoll lil ommha Thérèse Tanguay Dion, mlaqqma Maman Dion. Il-mewt ta’ ommha ġiet proprju ftit ġranet ‘il bogħod mir-raba’ anniversarju mill-mewt ta’ żewġha René Angélil. Hu kien miet fl-14 ta’ Jannar 2014.

Għalkemm Thérèse Tanguay Dion ma kisbitx xi suċċessi kbar mużikalment, kienet proprju hi li bdiet il-karriera ta’ Céline Dion. Hi kienet ukoll mużiċista u kienet iddoqq xi insttrumenti kif ukoll kienet kitbet il-lirika tal-kanzunetta It Was Only A Dream, li Céline kienet bgħatet lil René Angélil bit-tama li dan jieħu interess fiha bħala kantanta. Dan seħħ fl-1981 meta Céline kien għad kellha 12-il sena.

Iżda kif nafu, mhux talli ħa interess fil-karriera ta’ Dion iżda wkoll kien iżżewwiġha fl-1994. Kellhom tlett ulied, Rene Charles, (18-il sena), u t-tewmin Nelson u Eddy, (9 snin). 

Apparti Céline, Thérèse kellha 13 ulied oħra minn żewġha Adhémar-Charles Dion: Denise, Clement, Claudette, Liette, Michel, Louise, Jacques, Daniel, Ghislaine, Linda, Manon, Paul u Pauline.

Céline Dion bħalissa tinsab impenjata bit-tour tagħha Courage. Il-kantanta baqgħet għaddejja bil-kunċerti u qalet li dan hu dak li ommha kienet tixtieq u għalhekk iddedikat il-kunċerti li għamlet fl-aħħar humejn għall-memorja ta’ ommha.

Céline Dion se tkun qed tagħti kunċert f’Malta aktar tard din is-sena. Newsbook Lifestyle qed jagħti l-opportunità, grazzi għal NnG Promotions biex jintrebħu żewġ biljetti. Għal aktar dettalji idħol fil-paġna jew inkella agħfas f’dan il-post.