Tmut Marla Grech wara 12-il sena f’koma minħabba inċident

Marla Grech

Read in English.

Marla Grech, li ilha 12-il sena f’koma minħabba inċident tat-traffiku f’Għawdex, mietet ilbieraħ.

L-inċident kien seħħ kmieni fl-1 ta’ Marzu tal-2008. Hi kellha biss 15-il sena meta seħħ l-inċident waqt li kienet passiġġiera fuq quddiem tal-karozza li kienet qed tinstaq mill-għarus tagħha. Hu kien qed iwassalha d-dar.

Joeffry Vella kien tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu u baqa’ dieħel f’ħajt u f’arblu tad-dawl. Hi kienet ġarrbet diżabilità permanenti u minħabba l-inċident spiċċat f’koma. Lura fl-2015, il-Qorti ta’ Għawdex iddeċidiet li Vella kien tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu minħabba veloċità eċċessiva.

Marla kienet qed tgħix ħajjitha f’sodda għall-aħħar 12-il sena, xi ħaġa li wasslet biex missiera jitlef ix-xogħol tiegħu. Hi kienet ġiet iddikjarata li sofriet minn diżabilità f’100% ta’ ġisimha. B’hekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Paul Coppini kienet ordnat li Vella jħallas €394,917 f’danni.