Tmut Marj Dusay ta’ Sentieri

Marj Dusay. Ritratt: JPI Studios

Mietet fl-età ta’ 83 sena l-attriċi Marj Dusay li ħafna jafuha fil-karattru ta’ Alexandra Spaulding fis-soap opera Amerikana Guiding Light li fuq l-istazzjonijiet televiżivi Taljani kienet tixxandar bħala Sentieri.

Dusay interpretat dan il-karattru bejn l-1993 u l-1997, l-1998 u l-1999, l-2002 u l-2009.

Marj Dusay f’Guiding Light (Sentieri)

Dusaj kienet kisbet ukoll suċċess fil-karattru ta’ Myrna Clegg fis-soap opera Capitol, li wkoll kienet ixxandret fuq it-televiżjoni Taljana. Hija interpretat dan il-karattru bejn l-1983 u l-1987.

Kien hemm ukoll bosta sensiliet oħra li ħadmet fihom fosthom Santa Barbara fejn kienet tinterpreta l-karattru ta’ Pamela Capwell bejn l-1987 u l-1988, kif ukoll fl-1991.

Dusaj kellha wkoll karriera fil-films u kienet iddebuttat permezz tal-film Clamblake tal-1967 b’Elvis Presley. Sena wara kienet ħadmet fil-film Sweet November flimkien ma’ Sandy Dennis.

Kienu l-familjari tal-attriċi li ħabbru li hija mietet it-Tlieta 28 ta’ Jannar.