Tmut il-kantanta ta’ Roxette; kellha 61 sena

Read in English.

Il-kantanta ta’ 61 sena Marie Fredriksson tal-grupp Roxette mietet wara li sofriet kumplikazzjonijiet b’tumur li kellha f’moħħha. Għalkemm l-aħbar ħarġet illum wara nofsinhar, il-kantant mietet proprju lbieraħ, it-Tnejn 9 ta’ Diċembru.

Kien fl-2002 li kienet saret taf li kellha tumur wara li ħassah ħażin waqt li kienet qed tiġġogja ma’ żewġha. Wara xhur ta’ kimoterapija, il-kantanta kienet spiċċat għamja minn għajn waħda u bdiet tbati biex tisma’. Fl-2005 kienet waqfet it-trattament.

Ma’ Per Gessle tibqa’ mfakkra bħala d-duo Roxette li kienu ksibu suċċessi internazzjonali bħal Joyride, It Must Have Been Love, Listen to Your Heart, Fading Like A Flower u The Look.

Fi ftit ħin bosta kienu dawk li bdew ifakkru l-memorja tal-kantanta, fosthom Per Gassle, in-nofs l-ieħor ta’ Roxette.

Ritratt: Twitter:PerGassle

Qabel ma kienet f’dan il-grupp Marie Fredriksson kienet tifforma parti mill-grupp Strul u wara s-suċċessi ta’ Roxette għal xi żmien kienet kompliet bħala solista.